Internazzjonali

Gaza: Il-Ħamas jaċċetta ftehim għall-waqfien mill-ġlied — iżda l-futur għadu inċert

Il-grupp terroristiku Ħamas qal li approva ftehim għal waqfien mill-ġlied f’Gaza….Ftehim imressaq mill-Eġittu u l-Qatar bħala medjaturi ewlenin fit-trattativi għall-konklużjoni tal-gwerra li ilha mis-7 ta’ Ottubru.

Mhux magħruf għalissa x’setgħu qablu dwaru tal-Ħamas — u lanqas jekk Iżrael għandux jagħti l-appoġġ tiegħu għall-pjan inkwistjoni.

L-aħbar ingħatat wara li l-militar ta’ Iżrael ikkonferma li qed ‘jinkoraġġixxi’ lir-residenti ċivili ta’ Rafah biex jittrasferixxu lejn zona umanitarja estiza, aktar ‘il hinn minn din il-belt fin-nofsinar ta’ Gaza.

Dan meta l-offensiva tal-Armata fuq Rafah kapaċi ssir din il-ġimgħa stess u li mistennija tirriżulta f’katastrofi umana għall-għexieren tal-eluf tar-refuġjati li marru f’dik il-belt biex ma jinqabdux fl-eqqel tal-konflitt bejn il-militar Iżraeljan u l-Ħamas.

L-uffiċjali militari ta’ Iżrael qed jgħidu li l-azzjoni militari fuq Rafah – fejn hu kalkulat li qed jgħixu mal-1.5 miljun ruħ — għandha tkun ‘limitata fl-iskop tagħha’. L-Iżraeljani, fl-istess ħin,  mhumiex iħeġġu evakwazzjoni tal-massa mill-belt minħabba l-effetti kaotiċi għal madwar 100,000 resident.

L-istess uffiċjali qalu li ċ-ċivili ta’ Rafah li jiddeċiedu biex jitilqu mill-belt għandhom isibu posthom f’numru ta’ bliet tat-tined li ttellgħu f’Khan Younis u al-Mawasi mhux wisq ‘il bogħod mill-belt u fejn huma għandhom jingħataw ‘kull għajnuna’.

Il-gwerra f’Gaza bdiet meta t-terroristi tal-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru, invadew l-artijiet fin-Nofsinar ta’ Iżrael fejn immassakraw ‘il fuq minn 1,200 persuna fost il-ħtif ta’ għexieren ta’ ostaġġi.

Sadanittant, il-ħaddiema tal-għajnuna f’Gaza wissew li l-pjani tal-Iżraeljani biex jevakwaw l-inħawi ta’ Rafah lejn in-nofsinar huma ‘illegali’ minbarra li għandhom iħallu ‘konsegwenzi katastrofiċi’ minħabba li ħadd ma jista’ jiggarantixxi l-effettività tal-hekk-imsejħa zoni tas-sigurtà f’dawk l-artijiet.