Lokali Qorti

Ħafer lil kuġinuh talli tah daqqa ta’ sikkina ‘għax kien bil-ġuħ’

Raġel akkużat li ta bis-sikkina lil kuġinuh fi spalltu waqt li kien qed isajjar, qal lill-Pulizija li “tilef il-kontroll” minħabba li kien ilu jsum il-ġurnata kollha u li ma setax ipejjep matul ir-Ramadan. Il-Maġistrat Marsanne Farrugia semgħet lill-Ispettur tal-Pulizija John Zammit jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Abdelaziz Lakehal ta’ 50 sena mill-Marokk, li qed iwieġeb mhux ħati li weġġa’ serjament lil kuġinuh meta tah daqqa ta’ sikkina fl-appartament tagħhom Ħaż-Żebbuġ, fl-4 ta’ April.

Ramadan huwa x-xahar qaddis fil-kalendarju Iżlamiku. Huwa xahar taʼ sawm, qima, servizz, ġbir komunitarju, u żvilupp spiritwali. Il-Musulmani li jieħdu sehem fir-Ramadan ma jieklu jew jixorbu xejn matul il-ħinijiet tal-jum, jieklu ikla waħda eżatt qabel is-sebħ u oħra wara nżul ix-xemx. Din is-sena kienet mifruxa bejn l-10 ta’ Marzu u d-9 ta’ April.

L-Ispettur tal-Pulizija John Sammit spjega kif il-vittma mar l-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ fl-4 ta’ April, akkumpanjat minn oħtu. Huwa kien qed joħroġlu d-demm, u ttieħed l-isptar b’ambulanza. Ir-raġel ferut, fil-bidu ma setax jitkellem, iżda eventwalment qal lill-Pulizija li kuġinuh kien tah daqqa ta’ sikkina fi spalltu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7pm. Qabel il-daqqiet ta’ sikkina, Lakehal kien qed ikisser platti u oġġetti oħra tal-kċina u l-vittma, li kien qed isajjar, kien talbu jieqaf. Ftit wara, qal, ħass xi ħaġa fuq spalltu x-xellugija u dawwar rasu biex ra d-demm joħroġ u l-imputat iżomm sikkina mċappsa bid-demm.

Fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, huwa qal li Lakehal mill-ewwel skuża ruħu u qal li ma kellux il-ħsieb li jferieh. Il-vittma ddikjara li ħafer lil kuġinuh. “Hu qalilna li kien bil-ġuħ minħabba Ramadan u ma setax ipejjep u għalhekk tilef il-kontroll,” qal l-ispettur.

L-Ispettur Sammut mexxa l-prosekuzzjoni mal-Avukati Etienne Savona u Manuel Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukat difensur Nicholas Mifsud u l-prokuratur legali Colin Galea rrappreżentaw lill-akkużat. L-Avukat Noel Bianco irrappreżenta lill-vittma.