Futbol Sport

Ħamrun jiċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat, Santa Lucia relegati u Mosta salvi

(Ritratt: Joseph Galea)

Ħamrun Spartans ġew inkurunati Champions tal-Football Malti hekk kif nhar is-Sibt li għadda ntlagħbet l-aħħar ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. Kienet logħba li ma kien fiha ebda sinifikat għall-fini tal-klassifika wara li l-Ispartans l-ġimgħa li għaddiet kienu dikjarati matematikament Champions. L-avversarji tagħhom nhar is-Sibt, Hibernians,  ukoll ma’ kellhom ebda objettiv x’jintleħaq.  Biex b’hekk din il-logħba aktar ingħatat it-titlu bħala l-logħba taċ-ċelebrazzjoni. Spiċċat fi draw ta’ 1-1 fejn ir-riżultat l-anqas ħaġa li kien jgħodd. Minn kmieni filgħodu it-toroq tal-Ħamrun bdew jimtlew bil-partitarji li mbagħad irħewla lejn Ta’ Qali bil-festeġġamenti hemmhekk jilħqu l-qofol tagħhom mal-preżentazzjoni tat-Tazza mill-President tal-MFA s-Sur Bjorn Vassallo lill-captain tagħhom Steve Borg. U dawn komplew sa’ tard bil-lejl fit-toroq ewlenin tal-Ħamrun b’eluf ta’ nies joħonqu b’mod partikolari Strada Rjali sabiex jiċċelebraw dan l-għaxar kampjonat fl-istorja u l-ewwel stilla fuq il-flokk.

Ħamrun komplew bi ġmiel ta’ ċelebrazzjonijiet sa’ tard bil-lejl (Ritratt: Joseph Galea)

Pero l-attenzjoni fi tmiem il-ġimgħa kienet l-aktar immirata lejn il-logħbiet li ntlagħbu l-ġimgħa filgħaxija. Fil-fatt kien erba’ logħbiet li kollha bdew fl-istess ħin, dan peress li kienu jinvolvu t-timijiet li xi ħadd minnhom ried jingħaqad ma’ Valletta, Sirens u Gudja Utd. fiċ-Challenge League l-istaġun illi ġej.

Gżira United kisbu rebħa importanti li biha żammew posthom fil-Kampjonat Premier dan wara li huma għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 3-1. Kienet logħba li l-Maroons iddominaw għal ħinijiet twal u minkejja li qabel tmiem l-ewwel taqsima rajna lil Floriana jiksbu l-gowl tad-draw, Gżira ħarġu aggressivi fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta biex kisbu dak li riedu. L-eroj tagħhom kien bla dubju l-Brażiljan Gabriel Bohrer li skorja tnejn mit-tlett gowls tagħhom, wieħed minnhom jikkwalifika għal wieħed mill-isbaħ gowls tal-istaġun. Għal Floriana din kienet partita bla ebda importanza wara li tiflu l-Kampjonat ġimgħa qabel u b’ħarsithom lejn is-semi finali tal-Izibet FA Trophy kontra l-istess Gżira United.

Il-Captain ta’ Gżira United Zachary Scerri jissielet għall-ballun fir-rebħa fuq Floriana ta’ 3-1

Rebħu wkoll Balzan li kellhom quddiemhom sfida bl-isem ta’ Marsaxlokk. Dawn tal-aħħar kienu ċerti mir-raba’ post tal-klassifika biex ftit li xejn kellhom għalxiex jilgħabu. Balzan kienu motivati li jiksbu dak li jridu minn din il-partita fejn ħarġu mill-ewwel fuq l-offensiva. Tmien minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Balzan skurjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa, il-gowl tas-salvazzjoni. Għal Balzan din kienet it-tmien rebħa staġjonali li kienet ukoll l-iktar waħda importanti hekk kif biha żammew posthom mal-kbar. Mill-banda l-oħra Marsaxlokk iridu jistennew dak li ser jiġri fit-Trophy biex ikunu jafu jekk hux ser ikun qegħdin jikkwalifikaw għall-Ewropa.

Mosta wkoll kisbu rebħa importanti kontra l-ġirien Naxxar fejn f’mument minnhom beda jidher li din xorta ma’ kienetx ser tkun biżżejjed. Dan il-għaliex Mosta riedu jiddependu minn riżultati ta’ timijiet oħra u mhux tagħhom biss. Mosta skurjaw gowl f’kull taqsima biex kisbu dak li riedu kontra r-rivali Naxxar li kien tim ixxamplat f’nofs il-klassifika wara staġun pożittiv ħafna. Ovvjament fl-aħħar ħinijiet waslet l-aħbar fit-Tony Bezzina Stadium li Santa Lucia kienu jinsabu fi draw kontra Birkirkara biex hekk kif ġie konfermat dan ir-riżultat ix-xeni ta’ ferħ mill-players, diriġenti u partitarji Mostin kien indeskrivibbli. Staġun ieħor ta’ futbol fl-ogħla diviżjoni għal Mosta.

Nwoga ta’ Mosta jippressa d-difensuri ta’ Naxxar fir-rebħa li assigurat is-salvazzjoni għall-Mostin (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Mhux l-istess jista jingħad għal Santa Lucia li sfaw relegati għaċ-Challenge League l-istaġun illi ġej. Huma  temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Birkirkara wara li għamlu parti kbira mill-partita fil-vantaġġ. Kienu huma li fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob iżda l-Istripes irrispondew mill-ewwel bil-gowl tad-draw. Il-gowl qabel għalqet it-taqsima ta’ Pisani wasal fl-aħjar mument fejn deher li huma kienu ser iżommu dan il-vantaġġ u anki posthom fil-Kampjonat Premier. Iżda wasal gowl stupend taż-żgħażugħ Kaiden Fenech li ħasad għal kollox lis-Sainta u ċaħħadhom minn din ir-rebħa bżonnjuża. Mill-banda l-oħra Birkirkara jinsabu aktar iffukati fuq is-semi finali ta’ nhar l-Erbgħa kontra Sliema, kompetizzjoni li jistgħu jsalvaw staġun minbarra li jżommu t-Tazza fil-klabba tagħhom għat-tieni sena konsekuttiva.

Pena Beltre ta’ Birkirkara fi dwell mad-difensur ta’ Santa Lucia

Il-Ħamis intlagħbu żewġ logħbiet oħra mill-aħħar ġurnata hekk kif Valletta għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 5-2 filwaqt li Sliema għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 3-0.

INNUTAJNA

LI Valletta għażlu li jużaw ħafna mill-players tal-Minors sabiex jonoraw l-aħħar fixture tal-istaġun, dik kontra Gudja Utd. Logħba li apparti r-rebħa tat ukoll ftit togħma u esperjenza lil dawn il-players żgħar. L-istaġun li ġej kapaċi li naraw ħafna minnhom fl-ewwel tim Belti hekk kif Valletta jkunu qegħdin jilgħabu fiċ-Challenge League.  

LI nhar is-Sibt li għadda Ħamrun Spartans iċċelebraw bil-kbir ir-rebħ tal-għaxar kampjonat fl-istorja tagħhom u l-ewwel stilla fuq il-flokk. Minn kmieni filgħodu bdew inġabru l-partitarji fit-toroq tal-Ħamrun hekk kif dawn irħewla lejn Ta’ Qali għal-logħba kontra Hibernians u l-premjazzjoni tat-Tazza lill-captain Steve Borg. Il-festi leħqu l-qofol tagħhom tard filgħaxija fi Stradi Rjali l-Ħamrun mal-wasla tal-players.

LI nhar il-Ġimgħa li għaddiet kellna erba’ logħbiet li ntlagħbu fl-istess ħin hekk kif ried jiġi determinat min ser ikun ir-raba’ tim relegat flimkien ma’ Valletta, Sirens u Gudja. Il-mannara niżlet fuq Santa Lucia li naqsu li jirbħu kontra Birkirkara, bit-timijiet l-oħra jirbħu l-konfronti tagħhom.   Intużaw erba’ grounds li huma l-Istadium Nazzjonali, Tony Bezzina Stadium, Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium.