Lokali

“Iktar m’inti se tibqa’ tinsisti li ma tippubblikax l-Inkjesta, iktar se tkisser lil pajjiżna” – Bernard Grech

"Robert Abela għal darba għandu jagħżel l-interess tal-poplu."

“Illum jew għada se toħroġ l-Inkjesta u iktar ma żżommha, iktar se titkisser int u tkisser pajjiż miegħek. Imma aħna mhux se nħalluk tniżżel il-pajjiż miegħek.”

F’Misraħ San Filippu, Ħaż-Żebbuġ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-involviment ta’ kull persuna kapaċi twassal biex nirbħu fuq l-establishment kriminali.

Bernard Grech kompla jgħid li Robert Abela huwa skjav ta’ dak li seħħ fil-passat; l-istess passat li seraq il-miljuni minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi.

“Robert Abela huwa skjav mal-patt imxajtan u jrid li l-poplu Malti jkun skjav tiegħu wkoll.”

Il-Kap tal-PN fakkar fl-irwol importanti li Robert Abela għandu.

“Mhux qed jifhem li l-ewwel obbligu tiegħu huwa lejn il-poplu.”

Bernard Grech fakkar kif matul dan iż-żmien delikat, Abela qed jipprova jixtri lill-poplu Malti u Għawdxi fi ftit flus.

“Għalhekk ma tistax ittih l-appoġġ għax dak l-appoġġ se jkompli jużah biex jisraqna.”