Lokali

Il-Ministru Miriam Dalli tgħid li ma ratx l-Inkjesta Vitals

Il-Prim Ministru fi tmiem il-ġimgħa baqa’ ma ċaħadx li ra l-Inkjesta Vitals. Il-Ministri tiegħu qed iħossuhom skomdi immens iwieġbu dwar din il-kontroversja li daħal fiha Robert Abela, tant li l-Ministru Miriam Dalli spiċċat qaltilna li dawn huma biss leaks.

F’kummenti lil Net News, il-Ministru għażlet li mill-ġdid tagħmel referenza għas-suppost ‘establishment’ – liema establishment ma riditx tispjega eżatt min hu. Dan meta l-Prim Ministru tagħha xeba juża din il-frażi biex jiddevja mill-kwistjoni vera li qed tiġi diskussa bħalissa; ċioè, il-ħtieġa li l-Inkjesta Vitals tiġi ppubblikata.

Intant, il-ġurnalisti staqsew ukoll lill-Ministru Dalli jekk hi hux ser tkun qed tieħu post id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne bħala nominat għall-Kummissajoni Ewropea f’każ li dan jittella’ l-Qorti b’rabta mal-allegat involviment tiegħu fid-deal tal-isptarijiet.

Il-Ministru Miriam Dalli tiċħad li hi tkellmet mal-Prim Ministru Robert Abela dwar dan, u tgħid biss li min isemmi isimha għall-Kummissjoni qed jibbaża fuq “għidut.”

Fl-aħħar jiem, kien il-Ministru Fearne stess illi qal li hemm possibilità li hu saħansitra jirriżenja kemm-il darba ismu ikun implikat f’din l-inkjesta.

Chris Fearne qed jibqa’ jinsisiti li dwar id-deal tal-Vitals… “huwa innoċenti”. Iżda qal ukoll li jista’ jitkellem dwaru biss, u dwar ħadd aktar.