Lokali Parlament

Il-PN joħroġ mill-Parlament wara li ma kienx aċċettat li ssir diskussjoni urġenti dwar l-Inkjesta Vitals

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista mmexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech llum ħarġet mill-parlament wara li l-Gvern m’aċċettax li ssir diskussjoni urġenti biex l-Inkjesta Maġisterjali Vitals tkun pubblikata.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech insista fil-Kamra u ressaq mozzjoni biex il-parlament jissospendi l-ħidma tiegħu biex jiddiskuti b’mod urġenti l-inkjesta Vitals. Quddiem din l-insistenza tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru oġġezzjona u qal li ma jaqbilx li ssir din id-diskussjoni. L-Ispeaker Anġlu Farrugia issospenda s-seduta biex jagħti ruling li fih ma laqax il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.


Fis-seduta parlamentari, l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li qed iressaq mozzjoni biex il-Kamra taġġorna u tiddiskuti b’mod urġenti li l-Inkjesta Maġisterjali Vitals biex din tkun pubblikata. Hu sostna li l-Prim Ministru għandu aċċess għal din l-inkjesta kif hu stess indika b’diversi kummenti mal-media u sostna li l-Prim Ministru ikkummenta anki dwar x’fih ir-rapprot tal-Inkjesta Maġisterjali Vitals.


Il-Prim Ministru qed jattakka lill-ġudikatura u lill-Maġistrat Gabriella Vella li għamlet ir-rapport tal-inkjesta u qed jagħżel hu lil min jagħti aċċess għall-inkjesta. Il-poplu għandu dritt ikun jaf x’fih ir-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali Vitals u ma jistħoqqlux li jkollu Prim Ministru li jipprova jkisser il-ġudikatura, sostna Bernard Grech.


Il-Prim Ministru Robert Abela wieġeb li għall-Oppożizzjoni l-inkjesta hi eżerċizzju politiku partiġġjan u sostna li jekk hemm xi ħadd li jemmen li għall-PN il-ġustizzja tfisser xi ħaġa, issa qed jidher li din mhi xejn għajr mezz kif jipprovaw jiggwadanjaw punti politiċi.


Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipproponi li l-parlament jiddiskuti din l-inkjesta u qal li hu kien diġà ippropona li l-Avukat Ġenerali għandha tippubblika l-inkjesta. Robert Abela sostna li li m’għandux ir-rapport tal-inkjesta u żied li l-kwistjoni hi dwar min kien kien jaf x’se jkunu l-konklużjonijiet qabel l-injesta qabel kienet konkluża fosthom dwar meta se jkunu se jsiru t-tfittxijiet fid-djar.


Il-Prim Ministru qal li dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni hi li l-Parlament għandu jeżorbita s-setgħet tiegħu; liema setgħet huma tal-Avukat Ġenerali. Hu sostna li l-pubblikazzjoni tal-inkjesta għandha ssir llumq abel għada.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġeb li issa tkellem il-Prim Ministru kien fil-fatt qed jitkellem l-establishment tal-pajjiż u qal li dak li qal il-Prim Ministru jikkonferma li l-parlament m’għandux dritt jiddiskuti din l-inkjesta iżda l-Prim Ministru għandu dritt li jkollu l-inkjesta u jagħti aċċess għal-liema avukat irid biex jaraha. Hu qal li l-Prim Ministru ma jridx li l-parlament jiddiskuti din l-inkjesta b’mod immedjat iżda jrid li jkun hu biss jiddeċiedi jew jarmi lin-nies.


Għal kummenti tal-Prim Ministru dwar id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia, l-istess deputat wieġeb lill-Prim Ministru billi sostna li l-establishment hu li dak li seraq is-saħħa lill-Maltin, seraq tliet sptarijiet lill-poplu, qed iħalli l-morda fil-kurituri f’Mater Dei u li għamel l-ikbar frodi lill-poplu Malti u Għawdxi.
Is-seduta hi sospiża sakemm l-Ispeaker jagħti r-ruling.

Il-Kamra kienet sospiża.

Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qal l-kwistjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni hi ta’ importanza iżda s-Sedja ma taqbilx li hi ta’ natura urġenti li ma tistax tkun diskussa f’seduta oħra. L-Ispeaker semma’ l-investigazzjonijiet kriminali li qed isiru wara l-inkjesta u kkonkluda li ma jaqbilx li l-Kamra għandha tissospendi d-dibattitu anki minħabba li f’dawn il-mumenti qed ikun hemm żviluppi fl-investigazzjonjiet kriminali.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li s-Sedja ma fehmet xejn mill-mozzjoni tal-Oppożizzjoni għaliex l-Oppożizzjoni ma riditx tiddiskuti l-kontenut tal-inkjesta iżda t-talba li l-inkjesta tkun pubblikata. Għalhekk id-diskussjoni mitluba ma kinitx ta’ natura kriminali iżda dwar id-dritt tal-poplu li jkun jaf il-verità li issa qiegħda f’idejn il-Prim Ministru u f’idejn il-kriminali li l-Prim Ministru hu kompliċi magħhom. Il-Prim Ministru lanqas hu fil-Kamra iżda sakemm ingħata r-ruling għamel konferenza tal-aħbarijiet u għalhekk l-Oppożizzjoni se titlaq ‘il barra mill-parlament għaliex il-leħen tal-poplu u tal-Oppożizzjoni qed ikunu msikkta, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.