Lokali Qorti

Il-vittma nqatel b’żewġ tiri f’temp ta’ ħames sekondi fl-ewwel tas-sena fir-Rabat

Noel Azzopardi, ir-raġel akkużat bi qtil fir-Rabat fl-ewwel tas-sena, spara żewġ tiri lil Edric Borg f’temp ta’ ħames sekondi biex 15-il sekonda wara t-tieni tiri, l-qattiel irriversja bil-karozza u telaq minn fuq il-post.

Sadanittant il-Qorti qalet ukoll li kienet se taħtar tliet psikajtri sabiex jeżaminaw l-istat mentali tal-imputat kemm fil-preżent kif ukoll jekk fiż-żmien tar-reat Azzopardi kienx fi stat ta’ ġenn. Dan isir biex il-Qorti jkollha moħħha mistrieħ fuq l-istat tal-akkużat.

Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Noel Azzopardi, ta’ 39 sena mir-Rabat, akkużat bil-qtil ta’ Edric Borg ta’ 27 sena li huwa wkoll Rabti. Is-Surġent Josef Gerada qal li fl-ewwel ta’ Jannar li għadda fl-3.45pm, kien ġie infurmat mill-Ispettur Wayne Camilleri li kien seħħ inċident b’arma tan-nar.  

Ix-xhud qal li mar fuq il-post fejn kien hemm l-espert Martin Bajada, li hu beda jassisti, fejn bdew jispezzjonaw kull camera li setgħet tgħin fl-investigazzjoni. Tenna li diversi cameras ġew downloaded minn Bajada.

Waqt dan l-eżerċizzju, huwa kien infurmat mill-Ispettur Wayne Camilleri li l-akkużat kien ta ruħu b’idejh lill Pulizija, Ix-xhud qal li mit-timeline tal-filmati ħareġ li l-akkużat kien qed isegwi lill-vittma u li dan kien fit-3.20pm.

Il-karozza nqabdet l-ewwel fi Vjal il-ħaddiem u li daħlet fi Troq Fidloqqom fejn seħħ l-inċident. Kien hemm camera minnhom ukoll li tirrekordja biss is-sound. Fil-fatt minn din il-camera rriżulta li l-ewwel tir sparat seħħ fit-3.22.06pm, bit-tieni tir jiġi sparat fit-3.22.11pm.

Kien imbagħad fit-3.22.26 li min wettaq ir-reat irriversja l-karozza u ġibed għal għal Triq Pawlu Inguanez fejn joqgħod l-akkużat, fejn hu waqaf hemm bil-karozza bil-camera taqbad lil Azzopardi li kien ix-xufier. Il-karozza tal-akkużat kienet Toyota Hilux, filwaqt li tal-vittma kienet Land Rover Discovery fejn ħareġ ukoll li l-akkużat kien qed isuq wara l-vittma. Aktar tard il-karozza tal-akkużat kienet instabet fil-garaxx tiegħu stess.

Minn domanda tal-Avukat Joe Giglio li qed jidher għall-familjari tal-vittma, ħareġ ukoll li l-karozza tal-akkużat daħlet fit-triq fit-3.21.49pm, u li għalhekk l-ewwel sparatura seħħet inqas minn minuta wara. Xehed ukoll l-Ispettur Godwin Scerr, wieħed mill-investigaturi fil-każ.

Hu ppreżenta ċavetta tal-Land Rover Discovery reġistrata fuq il-vittma, u erba’ ritratti tagħha li meħudin minnu fil-compound tal-Pulizija f’Ta’ Kandja. Ippreżenta wkoll ċwievet tal-karozza Toyota Hilux tal-akkużat u ħames ritratti meħudin minnu wkoll minn ta’ Kandja.

L-Avukat Giglio qal lill-Qorti li l-Avukat Ġenerali ma oġġezzjonatx għal oġġetti tal-vittma biex dawn jiġu ritornati lura lill-familjari, iżda jifhem li l-mobile tiegħu jista’ jkun li għad hemm bżonnu. Hu tenna li dan għandu jinżamm kemm hemm bżonn.

Fil-fatt ma kienx hemm oġġezzjoni min-naħa tal-AĠ biex jingħataw l-oġġetti lura, ħlief il-mobile. Il-Qorti laqgħet it-talba fuq l-oġġetti minbarra t-teħid lura tal-mobile f’dan l-istadju. Wara l-Qorti talbet jekk hemmx min irid jagħti l-veduti tiegħu dwar il-qagħda mentatali tal-akkużat, kemm illum kif ukoll dakinhar li seħħ ir-reat.

L-Avukat Giglio qal li hemm provi li diġà ħarġu waqt is-seduti preċedenti bħal dawn tal-psikjatri Zrinzo u Joe Cassar, li Azzopardi kien tajjeb biex jixhed u li skont il-psikjatri ma kien hemm l-ebda problemi. Tenna li jekk xi ħadd ikollu dipressjoni jew ADHD, ma jfissirx li dan kien fi stat ta’ ġenn.

Tenna li anke l-files mediċi tal-isptar Monte Carmeli ma jindikaw li dan huwa, jew kien, fi stat ta’ ġenn. Qal ukoll li anke jekk wieħed għandu nuqqas ta’ ħiliet anke edukattivi, ma jfissirx li bniedem ikun fi stat ta’ ġenn. Il-partijiet hawn ilkoll qablu li kienu se jħallu f’idejn il-Qorti dwar dan l-aspett.

Azzopardi kien  ħarab minn fuq il-post iżda ftit sigħat wara, mar fl-għassa tar-Rabat fejn ikkonferma li spara fuq Borg. Madanakollu, Azzopardi qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ omiċidju. Il-każ ikompli fis-17 ta’ Mejju fit-3pm.

L-Ispetturi Wayne Camilleri u Godwin Scerri qed imexxu l-Prosekuzzjoni bl-għajnuna tal-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kaylie Bonett.

L-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Alex Miruzzi qed jirrappreżentaw lil Azzopardi. L-avukati Joe Giglio u Michela Giglio qed jirrappreżentaw lill-familja tal-vittma.