Lokali

INKJESTA VITALS: Bernard Grech jikteb formalment lill-Avukat Ġenerali biex jiġu ppubblikati l-konklużjonijiet

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiteb formalment lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg sabiex jiġu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali ta’ Vitals sabiex il-poplu jkollu d-dritt li jkun jaf il-verità sħiħa.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, Bernard Grech qal li huwa talab ukoll kopja ta’ din l-Inkjesta sabiex ikun verament jista’ jaħdem għall-poplu Malti u Għawdxi.

Wara li fl-aħħar jiem sar magħruf li l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta ma’ Vitals ġiet ippreżentata lill-Avukat Ġenerali, Bernard Grech qal li jidher biċ-ċar li Robert Abela jinsab imħasseb mill-kontenut ta’ din l-Inkjesta; kontenut li qed jingħadd li għadda f’idejn Robert Abela u persuni oħrajn qrib tiegħu.

Din hi sitwazzjoni perikoluża hekk kif Abela mhux biss jidher li għandu kontroll fuq dawn il-konklużjonijiet, iżda anke qed joħroġ b’attakki kontra l-ġudikatura li għamlet xogħolha f’din l-Inkjesta.

Bernard Grech qal li Robert Abela qed ikompli jipprova jisraq is-saħħa tal-Maltin billi jaħbi dak kollu li sabet l-Inkjesta fl-akbar serqa li qatt saret f’pajjiżna – dik tal-isptarjijet tal-Maltin u l-Għawdxin.

Bħalma ġab lura l-isptarijiet, hekk il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jieqaf lil Robert Abela meta jattakka lill-qrati, lill-ġudikatura u lill-media għax il-poplu Malti għandu dritt ikun jaf il-verità.