Internazzjonali

Ir-Russja: Mejtin u midruba waqt attakk bid-drones fuq l-inħawi ta’ Belgorod

L-awtoritajiet fir-Russja qegħdin iwaħħlu fl-Ukrajna għal attakk mill-ajru li ħalla talanqas għaxra mejtin u diversi midruba fir-reġjun ta’ Belgorod. Dan wara li numru ta’ drones laqtu xi minibuses u karozza – u fost rapporti li d-drones ħallew ukoll l-effett f’diversi lokalitajiet fir-reġjun, inklużi l-bini residenzjali li ġarrbu l-ħsarat.

Ir-reġjun ta’ Belgorod jinsab mal-fruntiera tal-Ukrajna u l-Gvernatur tiegħu,  Vyacheslav Gladkov , sostna li l-Ukreni, b’dawn l-azzjonijiet, qed jimmiraw ‘esklussivament’ għall-faċilitajiet taċ-ċivili.

Intant, l-inħawi ta’ Belgorod ilhom fil-mira tal-qawwiet Ukreni mindu l-Armati tar-Russja invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022. Is-sitwazzjoni, fil-fatt, wasslet għall-evakwazzjonijeit riċenti ta’ eluf ta’ tfal mill-belt ta’ Belgorod – iċ-ċentru amministrattiv ta’ Belgorod Oblast – minħabba l-periklu tal-missili u d-drones min-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Sadanittant, ir-Russja komplet tattakka l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna u fejn fl-aħħar sigħat waħda mill-faċilitajiet fir-reġjun ta’ Sumy ġarrbet il-ħsarat,  bil-konsegwenza li aktar minn 400,000 spiċċaw mingħajr dawl għat-tul taż-żmkien.

Fi żviluppi oħra – u skont l-Institute for the Study of War (ISW) ibbażat l-Istati Uniti –ir-Russja qed tistazzjona l-eluf tat-truppi fir-reġjuni ta’  Belgorod, Kursk u Bryansk bi tħejjija għal offensiva kbira fuq l-artijiet Ukreni tal-grigal u primarjament il-belt importanti ta’ Kharkiv.

Dan meta l-uffiċjali fi Kiev ilhom iwissu li r-Russja qed tħejji għal waħda mill-akbar azzjonijiet tal-gwerra bil-ħsieb li taħtaf il-kontroll ta’ Kharkiv, li hi t-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna