Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel Play-offs: Mill-ġdid finali bejn Starlites JSD u Mellieħa Libertas

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Athleta AtoZ Electronic………………68

Mellieħa Libertas Spalding………..69

(16-16)(12-21)(20-17)(20-15)

Huwa diffiċli li tfisser l-emozzjonijiet finali li offriet din il-partita hekk kif finalment kienu Mellieħa li ħarġu rebbieħa 69-68 kontra Athleta AtoZ Electronics biex saru l-ewwel finalisti tal-kampjonat. Għal Athleta l-istaġun intemm hawn però għandu jkun ta sodisfazzjoni li rritornaw għall-play-offs. Miellieħa se jkunu fit-tielet finali konsekuttiva tal-kampjonat u t-tielet finali f’dan l-istaġun. Mellieħa kellom nuqqas ta’ players għal din il-partita hekk kif kien nieqes Vukassin Jandric u tilfu wkoll lil Isaac Bonett li kiser idejh u l-istaġun tiegħhu huwa mitmum. Sfortunatament il-partita bdiet b’żewġ injuries għall-Athleta fejn tilfu lil Dajuan Moorer u Matthew Gouder kellu jħalli l-court għal xi ħin għalkemm reġa kompla l-partita għal xi ħin. Tederick Wolfe beda tajjeb meta fl-ewwel sitt minuti għamel sebgħa mid-disgħa punti ta’ Mellieħa. Minn naħa tagħhom Athleta kellom it-trippli ta’ Malik Riddle u Piotr Stelmach għal skor ta’ 11-7. Id-dħul ta’ Alexander Peacock saħħaħ l-attakk ta’ Mellieħa li rnexxielhom jippareġaw il-partita fit-tmien minuta 11-11. Stelmach għamel trippla oħra biex wieġeb għal punti ta’ Kwame Thompson għal Mellieħa għal parita ta’ 16-16. Fibidu tat-tieni taqsima kien hemm logħob konfuż u kellom jagħddu aktar minn minuta u nofs biex isir l-ewwel basket minn Riddle segwit minn trippla ta’Bugeja għal Mellieħa. It-team ta’ Ian  Terribile komplew b’aktar trippli minn Peacock u Ribert Bonnici f’run ta’ 10-0 biex marru 9 minn fuq. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin biex id-distakk ma nbidilx sa’ tmiem is-sessjoni bil-Mellieħa fuq quddiem 37-28.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni, Athleta ħarġu tajjeb u għamlu seba’ punti mingħajr risposta biex naqqsu d-distakk. Huma komplew jirrispondu u sal-ħames minuta ppareġjaw 39-39 wara free-throws ta’ Riddle. Wara li għal darbtejn kien hemm parita, żewġ baskets konsettuvi minn Bugeja u Wolfe poġġew lil Mellieħa 4 minn fuq bil-coach Kousidis jagħjjat it-time-out fuq skor ta’ 41-45. Mellieħa komplew bil-punti ta’ Wolfe u trippla ta’ Bugeja biex temmew is-sessjoni fuq quddiem 54-48. L-aħħar taqsima fetħet bil-punti ta’ Riddle u Naz Buhagair għall-Athleta b’Peacock jirrispondi għal Mellieħa. L-isforzi ta’ Athleta komplew tant li rnexxielhom imorru minn fuq fil-ħames minuta bi trippla ta’ Riddle. Sas-seba’ minuta reġa’ kien hemm parita ta’ 70-70. Kollox kien jindika li l-partita kien se jkolla tmiem drammatiku u hekk ġara hekk kif b’40 sekonda mit-tmiem Wolfe poġġa lil Mellieħa 66-64 minn fuq. Stelmach għamel free-throw minn tnejn però Mellieħa tilfu l-pusess tal-ballun u fl-aħħar sitt sekondi kien hemm foul ta’ Wolfe fuq Riddle li minnu l-Amerikan tal-Athleta għamel tlett free-throws minn tlieta biex poġġa lil Athleta 68-66 minn fuq. L-emozzjonijiet però ma waqfux hemm għax propju fl-aħħar attakk tagħhom, b’buzzer beater tal-Amerikan Peacock ta r-rebħa lil Mellieħa fost il-ferħ enormi tal-players, diriġenti u partitarji.

Athleta: K. Fabri, M. Riddle 28, F. Mifsud Bonnici 3, N. Buhagiar 7, D. Moorer 2, M. Gouder 4, L. Borg, E. Abela, P. Stelmach 20, A. Garzia, A. Bozanic 4.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 30, D. Bugeja 10, R. Bonnici 3, R. Carabott, A. Peacock 17, K. Thompson 5, C. Mercurio 4.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Nicky Azzopardi

Sigma Depiro 82

Starlites JSD 91

(17-13)(23-28)(18-21)(22-29)

Ic-champions Starlites JSD ingħaqdu ma’ Mellieħa Libertas fil-finali tal-kampjonat Bank of Valletta li se tibda nhar il-Ħadd li ġeh fl-4 ta’ wara nofshinhar. Huma għelbu l-isfida qawwija ta’ Sigma Depiro li baqgħu jissieltu sal-aħħar biex isalvaw il-partita. Svolta mportanti fil-partita kienu sensiela ta trippli li għamlu Starlites fil-bidu tal-aħħar sessjoni li tawhom vantaġġ li setgħu jikkontrollaw sat-tmiem. Starlites kellom bidu speċjalment permezz ta’ Alec Felice Pace li beda b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla. Depiro wieġbu bi break ta’ 13-0 bi trippla ta’ Miguel Brincat u l-punti minn Nenad Bukva u Kameron Rooks. Għal Starlites kien Davonte Caraven li wieġeb b’punti konsekuttivi però Brincat għamel it-tieni trippla tiegħu u Depiro temmew l-ewwel sessjoni 19-13 minn fuq. Fit-tieni taqsima kien hemm aktar punti minn Rooks għal Depiro li fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 27-17. Starlites waqqfuhom b’basket minn Christian Hinckson u trippla ta’ Kurt James. Rooks u Bukva reġgġu wieġbu għal Depiro però James kompla bir-rimonta ta’ Starlites li rathom jaslu sa’ punt ‘l bogħod 33-34 fl-aħħar minuta u nofs. Trippli minn James u Ian Felice Pace ippareġjaw il-partita 39-39 biex fl-aħħar żewġ attakki kien hemm basket fuq kull naħa b’tad-Depiro jkun and one u Bukva għamel il-free-throw għal skor ta’ 42-41.

It-tielet taqsima fetħet bi trippla fuq kull naħa minn Brincat u James qabel ma Starlites għamlu break qasir ta’ 7-0 li rahom imorru 51-47 minn fuq. Depiro rkupraw u kienu huma li għamlu seba’ punti mingħajr risposta biex marru basket minn fuq. Starlites dawwru l-iskor b’baskets minn Craven u James u temmew il-perjodu fuq quddiem 62-60. L-aħħar taqsima fetħet b’sensiela ta’ trippli minn Matthew Attard u James għal Starlites biex sar-raba’ minuta huma fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 74-66. Wara time-out, Depiro kellom risposta minn Andrew Aquilina, Rooks u trippla ta’ Cornelius però Alec Felice Pace għamel trippla għal Starlites għal skor ta’ 79-70 fis-sitt minuta. Depiro tħabtu fl-aħħar ħinijiet però sabu lil Starlites ikomplu jiksbu l-punti speċjalment minn Felice Pace u minkejja l-aħħar trippla ta’ Brincat għal Depiro, kienu Starlites li ħarġu rebbieħa 91-82.

SIGMA Depiro: S, Galea 8, L. Trapani, N. Bozovic 2, A. Aquilina 10, N. Grech, A. Hollins 6, K. Rooks 13, M. Brincat 16, M. Mallia, C. Cornelius 14, N. Bukva 13, M. Debattista.

Starlites JSD: A. Felice Pace 23, K. Fabri, C. Hinkson 2, M. Attard 8, S. Aquilina, I. Felice Pace 5, L. Riolo, L. Riolo, M. Scerri 3, D. Craven 17, L. Farrugia 6, N. Sultana, K. James 27.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Fanni Fabok