Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa Play-offs: Caffè Moak Luxol fil-finali kontra Depiro

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol……..86

Starlites JSD……………..78

(14-16)(24-25)(18-8)(15-22)(15-7)

Se jkollna champions ġodda. Dan hu l-verdett li ħareġ wara t-tieni semi-finali bjen Caffè Moak Luxol u c-champions renjanti Starlites JSD. Dan hekk kif wara partita mill-isbaħ li saħansitra marret fil-ħin barrani, Luxol ħarġu rebbieħa 86-78 biex issa jaffrontaw lil Depiro fil-finali li se tibda l-Ħadd li ġej. Għalkemm kienet wirja kollettiva tal-players ta’ Santino Coppa, l-aħwa Fenech Pace kellhom sehem mill-aqwa f’din ir-rebħa. Għal Starlites dan l-istaġun rahom jintroduċu players żgħażagħ kif ukoll ir-rebħ tas-Super Cup. Kienu Luxol li għamlu l-ewwel basket tal-partita minn Sarah Fenech Pace bi Starlites iwieġbu bi trippla ta’ Paige Cannon. Luxol ukoll kellom trippla  minn Anna Fenech Pace però l-punti minn Cannon u Michela Zammit Cordina ħallew lil Starlites fuq quddiem.  Wara t-tieni trippla ta’ Fenech Pace, Starlites wieġbu b’ħames punti fosthom trippla minn Mikela Riolo. L-Amerikana Tayler Bennett għamlet l-ewwel punti tagħha qabel trippla għal Starlites minn Steffi De Martino. L-aħħar punti tas-sessjoni ġew minn A. Fenech Pace bit-tielet trippla tagħha għal skor ta’ 14-16. Fit-tieni perjodu kien hemm fost l-oħrajn trippli minn Bennett u De Martino biex Starlites żammew vantaġġ ta’ 4 punti 23-21.  Wara li Starlites kellom trippla oħra minn Cannon, bdew ġejjin diversi punti minn Bennett għal Luxol flimkien ma’ A. Fenech Pace li però kellha tinbidel wara li kkomettiet it-tielet foul. Starlites żiedu l-vantaġġ permezz ta’ Riolo u Cannon biex daħlu  jistrieħu 41-38 minn fuq.

Wara l-intervall, Bennett mexxiet lil Luxol b’total ta’ 16 –il punt hekk kif fetħet it-taqsima b’żewġ trippli. Luxol għall-ewwel darba għamlu break ta’ 8-0 biex marru sitt punti minn fuq 51-45. Starlites wieġbu permezz ta’ Riolo però Bennett għalqet is-sessjoni bi trippla oħra għal skor ta’ 56-49. Fl-aħħar taqsima, Luxol fetħu l-akbar vantaġġ 58-49 però hawn kien wasal l-aqwa mument ta’ Starlites fil-partita meta għamlu run ta’ 13-0 bi trippli ta’ Saliba, Riolo u De Martino biex marru 62-58 minn fuq. Luxol wieġbu b’ħames punti ta’ Benett u trippla ta’ Lisa Fenech Pace tathom vantaġġ ta’ basket 69-67. Starlites reġgħu marru minn fuq b’baskets ta’ Zammit Cordina u De Martino però fl-aħħar erba’ sekondi kienu deċisivi hekk kif Mandi Mercieca għamlet żewġ free-throws minn tnejn u ppareġjat il-partita 71-71. Fil-ħin barrani, Luxol kellom run deċisiva ta’ 9-2 b’diversi punti minn L. Fenech Pace. Starlites dehru maħsuda u Luxol issa kellom il-partita f’idejhom u ħarġu rebbieħa 86-78.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 34, M. Mercieca 5, L. Fenech Pace 11, H. Galea, N. Vella, E. Abela, S. Fenech Pace 12, J. Diaby 2, V. Baldacchino, S. Sciberras, S. Farrugia 4, A. Fenech Pace 16.

Starlites JSD: M. Zammit Cordina 16, M. Riolo 12, A. Saliba 6, M. Fenech, M. Bonett, S. De Martino 15, P. Cannon 28, P. Riolo, M. Sciberras, C. Cilia, C. Curmi 1.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi, Fanni Fabok