Lokali

L-editorjal tal-MaltaToday: “Il-poplu għandu jkun jaf il-verità kollha mill-Inkjesta Vitals”

“Minflok kruċjata politika fuq il-ġudikatura, il-Prim Ministru Robert Abela jmissu jaċċerta li ssir ġustizzja – għaliex il-poplu ħaqqu jkun jaf il-verità kollha.”

Dan kien il-messaġġ li ħareġ fl-editorjal tal-Ħadd fil-gazzetta MaltaToday hekk kif matul il-ġimgħa li għaddiet Robert Abela ħa kull oppportunità sabiex jattakka lill-ġudikatura – mossa li ġiet deskritta bħala waħda perikoluża.

L-editur qal li r-rimarki li qed isiru b’rabta mal-Inkjesta Vitals qed ikomplu jqajmu tħassib li Robert Abela – flimkien ma’ persuni oħra li jokkupaw karigi għolja fi ħdan il-Partit Laburista – għandhom kopja ta’ din l-Inkjesta.

Intqal ukoll li dan mhuwiex każ ordinarju, hekk kif jinvolvi amministrazzjoni li mhux biss falliet, iżda nstabet ħatja ta’ korruzzjoni – każ li jinvolvi l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll membri li kienu fil-Kabinett, u oħrajn li għadhom fil-Gvern preżenti.

L-editorjal jgħid li l-Prim Ministru qatt ma kellu jikkummenta dwar il-perjodu li fih din l-Inkjesta ngħalqet. Bl-editur jisħaq li dan l-aġir qed ikompli jeskala t-tensjoni – sitwazzjoni li kapaċi tinbidel fi problema ferm akbar.

Intant, l-editur sostna li Robert Abela għandu jaċċerta li toħroġ il-verità kollha b’rabta ma’ dan id-deal frawdolenti għaliex il-poplu Malti u Għawdxi hekk jistħoqqlu. Appell simili għal dak tal-Partit Nazzjonalista hekk kif jum wara l-ieħor qed jinsisti sabiex l-Avukat Ġenerali tippubblika din l-Inkjesta b’mod sħiħ.