Lokali

L-għoli tal-ħajja qed jaffettwa anke l-bejgħ tal-monti – Bernard Grech

L-għoli tal-ħajja qed jaffettwa anke l-bejjiegħa minħabba l-fatt li n-nies qed joqogħdu iktar attenti kif jonfqu flushom.

Kien dan is-sentiment li nħass fost in-nies dalgħodu meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, flimkien ma’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, żaru l-monti li jarma fil-Mosta.

Bernard Grech kellu ċ-ċans li mhux biss jitkellem man-nies li kienu qed jixtru fuq il-monti, iżda anke mal-bejjiegħa nfushom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ wkoll il-fatt li Kunsill Lokali mmexxi minn Sindku Laburista wassal għal diversi problemi f’din il-lokalità – li minnhom batew ir-residenti nfushom.

Għalhekk, Bernard Grech fakkar dwar l-importanza li fit-8 ta’ Ġunju kull ċittadin joħroġ jivvota sabiex jassigura li l-lokalità tiegħu tkun immexxija minn kandidati li verament jixtiequ l-ġid tal-lokalità.

Preżenti mal-Kap tal-PN kien hemm il-kandidat tal-Parlament Ewropew David Agius, u l-kandidati tal-Kunsill Lokali tal-Mosta Michaela Bayliss, Keith Cassar, Thomas Demartino, Joseph Gatt, Charles Schembri, u Aiken Zerafa.