Lokali Qorti

Mhux ħati li sawwat lill-eks sieħba tiegħu waqt li kienet qed tpejjep il-cannabis

Sloven ta’ 36 sena residenti l-Belt Valletta, ma nstabx ħati li sawwat lill-eks sieħba tiegħu fil-Milied ta’ sentejn ilu. Mix-xhieda rriżulta li l-mara kienet qed tpejjep il-cannabis fl-appartament tiegħu. Huwa ma nstabx ħati għax waqt li l-akkuża indikat ħin partikolari meta seħħ l-allegat swat, il-pulizija li marru fuq il-post xehdu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li l-argument seħħ sigħat wara.

Ir-raġel kien tressaq mill-Ispettur Audrey Micallef bl-akkuża tgħid li fil-25 ta’ Diċembru 2022, f’xi ħin bejn il-5am u s-6am fid-dar fejn jgħix, ikkaġuna ferita ħafifa fuq il-mara u insulentaha kif ukoll li erbat ijiem wara spiċċa jheddidha.

Il-Pulizija kienet marret fuq il-post fl-10.15am tal-25 ta’ Diċembru wara li rċeviet telefonata mingħand persuna li semgħet għajjat fid-dar tal-akkużat. Is-Sloven fetħilhom u talab lill-Pulizija biex joħorġu lill-mara minn daru u hi dlonk kienet qaltilhom li kien taha daqqa ta’ ponn f’wiċċha.

Wara għamlet rapport lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija li bdiet tinvestiga u ressqet lir-raġel fil-Qorti Il-pulizija li kienu marru fuq il-post xehdu li huma ma raw ebda sinjali ta’ vjolenza fuqha waqt li xammewlha riħa qawwija ta’ xorb u li ħaduha fid-dar fejn tgħix fuq talba tagħha stess.

Fil-Qorti l-mara ammettiet li kienet xurbana u li pejpet il-cannabis u qalet ukoll li ma tafx kif qam argument bejniethom imma tiftakar li taha daqqa ta’ ponn. L-akkużat xehed li huwa kien qalilha biex ma tiħux droga fir-residenza tiegħu għax beża’ li jekk jaqa’ xi ħaġa mal-art jistgħu jikkunsmawha l-klieb u li dawn jistgħu jmutu.

Mandankollu, minkejja li qaltlu kollox sew, spiċċat ma tatx kasu u bdew jargumentaw u beda jiġbidha ‘l barra minn daru. Qal li meta kkonfrontaha, bdiet issabbat u saret ħafna aggressiva fejn anke bdiet tkisseer xi oġġetti li kellu fid-dar, bdiet twerżaq, twaddab is-siġġijiet u kissritlu t-televiżjoni.

Ir-raġel qal li kulma ried kien biss li jkeċċiha barra mid-dar u beda jimbuttaha, iżda ċaħad li sawwatha. Qal li dam madwar siegħa jissara magħha u meta rnexxielu joħroġha l-barra, qabad il-portmoni u ż-żarbun tagħha u waddabhom barra t-triq mit-tieqa, iżda ftit minuti wara huwa sema’ ċ-ċavetta tal-bieb tal-appartament, bil-mara jirnexxielha tidħol ġewwa u hemm skopra li kienet ħaditlu ċ-ċavetta.

Tenna li hu qatt ma kien ta ċ-ċavetta lilha. Meta daħlet sakkar lilu nniffsu fil-kamra tas-sodda u poġġa kamra tal-klieb (kennel) mal-bieb sabiex hi ma tkunx tista’ tersaq lejh jew lejn il-klieb. Il-Maġistrat Montebello, qalet li waqt li fl-akkuża jingħad li l-allegat reat seħħ bejn il-5am u s-6am, l-argument jidher li seħħ sigħat wara kif xehdu l-pulizija li kienu fuq il-post f’xi ħin bejn id-9am u l-10am.

Kien għalhekk li kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-akkuża fil-konfront tal-akkużat u illiberatu. Isem ir-raġel mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità tal-mara, li hija Taljana, peress li dan huwa każ marbuta ma’ vjolenza domestika.

Is-Sloven lanqas ma nstab ħati li bagħtilha theddid fuq il-mobile tagħha għax ma tresqitx prova li l-mobile phone, li minnu allegatament intbagħat it-theddid, kien konness miegħu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. Għas-Sloven dehru l-Avukati Dominic Micallef u Etienne Borg Ferranti.