Lokali Qorti

Mixlija b’importazzjoni ta’ 15-il kilo cannabis

Elpiniki Vagena ta’ 27 sena mill-Greċja, tressqet il-Qorti mixlja b’importazzjoni u pussess ta’ Cannabis Grass mhux għall-użu personali tagħha. Quddiem il-Magistrat Abigail Critien, il-prosekuzzjoni qalet li l-mara ġiet arrestata mal-wasla tagħha fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara sejba ta’ pakketti bi droga li nstabu fil-bagalja tagħha.

Ħareġ li Uffiċjali tad-Dwana wettqu spezzjonijiet ta’ passiġġieri li s-Sibt filgħaxija waslu fuq titjira li bdiet f’Madrid, Spanja, li waslet Malta wara konnessjoni fi Frankfurt, il-Ġermanja. L-ispettur John Leigh Howard qal lill-Qorti li minnufih intalbet l-assistenza tal-Pulizija tal-għassa fl-Ajruport u fi tfittxija fil-bagalja tal-mara nstabu pakketti bi 15-il kilo sustanza suspettata ħaxixa tal-cannabis.

Għall-akkużi miġjubin kontriha, il-mara wieġbet mhux ħatja. Id-difiża tablet għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tar-reat u minħabba li l-akkużata m’għandhix rabta ma’ Malta. Qal ukoll li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin ukoll fuq terzi persuni u b’hekk hemm il-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.

Wara li semgħet iż-żewg partijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba l-investigazzjoni għadha fi stadju bikri filwaqt li l-mara m’għandha l-ebda indirizz fiss. Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti toħroġ ordni ta’ qbid u ffriżar, liema talba ntlaqgħet mill-Maġistrat Abigail Critien u tordna s-sekwestru tal-proprjetà u l-assi tal-mara.

Ghħll-akkużata deher l-avukat Brendan Kirk Muscat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur John Leigh Howard.