Lokali Qorti

Multa ta’ €2,300 wara li tajjar mara fuq iz-zebra crossing

Raġel ta’ 51 sena min-Naxxar ġie mmultat €2,300 mill-Maġistrat Micallef Stafrace li sabitu ħati li tajjar mara waqt li kienet qed taqsam it-triq minn fuq zebra crossing, fil-Furjana. Patrick Cutajar instab ħati li fit-8 ta’ Frar tal-2022 saq karozza bi traskuraġni u kkaġuna ġrieħi gravi lil mara.

L-inċident seħħ viċin il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, bil-mara tgħid fil-Qorti li kienet qed taqsam u “ġiet karozza “gas down” mill-kantuniera tal-ġnien fejn hemm il-Mall. Qalet li dlonk telqet tiġri u saqajha nqabdet taħt ir-roti tal-karozzi li spiċċaw mgħaffġa u wara ftit tal-ħin is-sewwieq irritorna fuq il-post.

Il-mara għarfet lill-akkużat fl-awla bħala s-sewwieq li tajjarha, bil-Maġistrat Micallef Stafrace temmen il-verżjoni tagħha u sabet lil Cutajar ħati li naqas li joqgħod attent u moħħu hemm waqt is-sewqan. Minbarra l-multa ta’ €2,300, il-Qorti skwalifikat il-liċenzja ta’ Cutajar għal 30 ġurnata u naqqsitlu tmien punti fuq il-liċenzja tas-sewqan.