Lokali

Philip Vella jsebbaħ isem l-Omm b’rakkont personali

“Kont tkun taf f’liema stat inkun… kulma f’moħħi jkun għaddej”, huwa vers minn OMM, kanzunetta
ġdida mill-kantawtur Philip Vella b’dedikazzjoni lill-ommijiet kollha proprju f’Jum l-Omm, speċjalment
lill-għażiża ommu Esther li ħallietna għal ħajja eterna fil-15 t’Ottubru 2022.

Il-kantawtur Philip Vella ilu jagħmel parti mix-xena tal-mużika lokali għal snin twal u kiseb suċċess kbir
b’siltiet bħal ‘X’Jimpurtani’, klassifikata fit-tieni post tal-festival L-Għanja tal-Poplu 1995 u ‘Kemm Jien
Beżżul’, rebbieħa ta’ dan l-istess festival proprju tliet snin wara.

Il-ħoss ta’ OMM, però, huwa differenti ħafna minn ta’ dawn iż-żewġ siltiet imsemmija hawn fuq, iżda
jqarreb ħafna l-istil li tassew iħobb jinterpreta, l-istil li bih wasslilna l-album 60+ li fih jinkludi kanzunetti
bħal ‘Għalfejn Tħobbni Daqshekk’, ‘Allura’, ‘Ġenna u Infern’, kif ukoll ‘Pa’, kanzunetta oħra personali
għall-aħħar fejn Philip jiddeskrivi r-relazzjoni tiegħu ma’ missieru.

“Ħassejt li kien wasal iż-żmien li jkolli konverżazzjoni m’ommi, u l-unika mod li stajt nagħmel dan kien
f’kanzunetta. Fiha għidtilha dak kollu li kont u għadni nħoss għaliha”, jgħid il-kantawtur filwaqt li jżid
jgħid, “din il-kanzunetta ser tkun l-ewwel waħda minn album ġdid li ħa nniedi fil-ġimgħat li ġejjin,
album ta’ kanzunetti bl-isem ‘Il-Kitarra u Jien’. Ftit minnhom ġa smajtuhom, kantati minni jew minn
artisti oħra li ħdimt magħhom tul is-snin, u oħrajn li ħa jkunu ġodda.”

Filwaqt li nistennew b’ħerqa kbira dan l-album, nixtiequ ngħarrfukom li OMM għandha produzzjoni ta’
Sean Vella u Philip Vella, ippubblikar diġitali tal-kumpanija Ġermaniża CAP-Sounds, u promozzjoni
t’Ironic PR & Artist Management.