Lokali Qorti

Preżentati l-akkużi kontra Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Edward Scicluna

Il-Pulizija ħarġet akkużi kriminali kontra diversi individwi u kumpaniji b’rabta mal-iskandlu tal-Vitals Global Healthcare, it-Tnejn waranofsinhar. Kollox jindika li ġew ippreżentati fil-Qorti numru ta’ akkużi kriminali kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u Eks Ministri inkonnessjoni mal-Inkjesta ta’ Repubblika, inkluż kontra Konrad Mizzi u Edward Scicluna, kif ukoll l-Eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri.

Illum Edward Scicluna, huwa l-Gvernatur tal-Bank Centrali. Sadanittant, l-akkużi kriminali li ġew ippreżentati huma ta’ gravità u serjetà kbira, akkużi li jġorru magħhom snin ta’ priġunerija.

Numru ta’ sorsi għax ma ħareġ xejn b’mod uffiċjali, qed jgħidu li wħud mill-persuni implikati huma mingħajr involviment dirett fil-każ.

L-avukat Jason Azzopardi ħabbar fuq Facebook li ġew akkużati “grupp kbir ta’ nies”, xi ħaġa li qal ukoll il-President Onorarju ta’ Repubblika Robert Aquilina.

Fil-fatt in-Nutar Robert Aquilina kkonferma wkoll li tressqu akkużi kriminali kontra l-persuni indikati mill-Maġistrat inkwirenti. Aquilina qal li l-NGO ġiet infurmata b’email mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali t-Tnejn stess dwar dan. Hu mifhum li d-19-il akkużat għandhom jitressqu l-Qorti b’ċitazzjoni u mhux taħt arrest.

Dr, Aquilina qal ukoll li ħames snin ilu Repubblika talbet u kisbet l-inkjesta dwar il-frodi fil-kuntratti tal-isptarijiet tal-poplu Malti u Għawdxi. Appena sitt ijiem ilu smajna b’widnejna fil-Qorti li dik l-inkjesta ntemmet, litteralment ħames minuti wara ktibna email lill-Avukat Ġenerali biex ningħataw kopja ta’ dik l-inkjesta. L-Avukat Ġenerali lanqas biss indenjat ruħha twieġeb għat-talba tagħna.

“Ħallejna ftit taż-żmien jgħaddi u bgħatna reminder. L-Avukat Ġenerali reġgħet ma wieġbet xejn. Dan seħħ waqt li nafu li Robert Abela akkwista kopja ta’ dik l-inkjesta u qed jużha kontra l-interessi tal-ġustizzja.

“Mhux se nittolleraw li jibqa’ jkun hawn min jostakola l-kors tal-ġustizzja biex jgħin lill-kriminali. Għalhekk, ftit tal-ħin ilu preżentajna ittra uffiċjali fir-Reġistru tal-Qorti li permezz tagħha erġajna tlabna formalment kopja tal-inkjesta maġisterjali miksuba minna u wissejna li qed nirriżervaw id-dritt li nipproċedu fil-Qorti kontra l-Avukat Ġenerali f’dan ir-rigward. Se naslu”, qal Dr Aquilina.

Issa l-pass li jmiss li jrid jiġi deċiż huwa dwar liema maġistrat/a se ikun assenjat/a l-każ, imbagħad tiġi ffissata data għal meta jitressqu wara li jiġu innotifiki l-akkużati bl-akkużi li jiffaċċjaw, u d-data meta jibda jinstema’ l-każ.