Lokali

Repubblika tippreżenta ittra uffiċjali fil-Qorti biex tingħata kopja tal-Inkjesta Maġisterjali

L-Għaqda mhux governattiva qed issostni li l-Avukat Ġenerali għandha tgħaddi kopja sħiħa lil Repubblika tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-bejgħ tal-isptarjiet.

F’dawn l-aħħar jiem, immedjatament kif kien magħruf li din l-inkjesta kienet ġiet konkluża, Repubblika ressqet talba bil-miktub lill-Avukat Ġenerali biex tingħata kopja. Wara li ma rċivew l-ebda risposta, reġgħu ressqu talba oħra, però lanqas din ma ġiet imwieġba. Fil-fatt lanqas biss irċivew acknowledgement.

Għalhekk dalgħodu, Repubblika ppreżentat ittra uffiċjali fil-Qorti, permezz tal-Avukat Jason Azzopardi, biex l-Avukat Ġenerali tgħaddi kopja sħiħa tar-rapport ta’ din l-inkjesta.

Din l-inkjesta saret fuq talba ta’ Repubblika fl-2019, u kkummentaw ukoll dwar kif il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja ngħataw kopja. Saħqu li dan l-aġir imur kontra l-provvedimenti tal-Kostituzzjoni u tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Repubblika qalet li ser tieħu aktar passi jekk it-talba tagħhom ser tibqa’ tiġi injorata.