Lokali

300 sena mit-twaqqif tal-Floriana

Il-lokalità tal-Floriana matul din is-sena qed tiċċelebra 300 sena mit-twaqqif tagħna. Għal dan l-anniversarju, grazzi għal proposta li ressaq il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali 3 snin ilu, matul din is-sena ġew u se jiġu ċċelebrati għadd ta’ attivitajiet.

Tkellimna mal-Minority Leader tal-PN fil-Floriana James Aaron Ellul illi spjegalna l-importanza ta’ dan l-anniversarju…u l-attivitajiet li qed isiru.

James Aaron Ellul għamel enfasi fuq kemm jeħtieġ li  ħajjet il-lokal mhux biss tkun imfakkra, imma wkoll tingħata prijorità għall-futur.

Il-lokalità tal-Floriana ġiet imwaqqfa fid-9 ta’ Mejju tal-1724 mill-Grand Mastru Antonio Manoel de Vilhena, u nbniet fuq id-disinji ta’ Pietro Paulo Floriani. Matul is-snin il-Floriana żviluppat f’post uniku, b’legat u storja importanti.

Bħalissa fil-Floriana jgħixu l-anqas numru ta’ residenti f’dawn l-aħħar mitt sena, mill-1921 sal-lum. Din l-istatistika allarmanti kienet ippubblikata s-sena li għaddiet mill-NSO bħala parti mill-istatistika ġenerali li ħarġet minn analiżi tat-tagħrif li rriżulta mill-aħħar ċensiment nazzjonali tal-popolazzjoni li sar bejn l-aħħar xhur tas-sena 2021 u l-ewwel xhur tas-sena tal-2022.