Lokali

“Dawk li għandhom kariga pubblika għandhom iwarrbu mill-pożizzjoni tagħhom” – Bernard Grech

"Prim Ministru li qed jattakka l-pilastri fundamentali li jagħmlu pajjiżna."

Ilbieraħ rajna Prim Mnistru ostagg li reġa’ għażel lilu nnifsu minflok lill-Maltin u l-Għawdxin.

F’ġurnata fejn  suppost rajna l-ġustizzja titwettaq, rajna Prim Ministru li għażel li jsalva ġildu minflok iħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Robert Abela jippretendi li għandu jkun hu li jagħmel il-ġudizzju u mhux il-qrati. Robert Abela għamel diskors sħiħ jeqred l-integrità tal-maġistrat, tal-qrati u tal-ġurnalisti. Għax issa ntebaħ li l-patt imxajtan li għamel erba’ snin ilu se jgħerrqu u mhu qed jaħseb f’xejn u ħadd ħlief kif se jsalva lilu nnifsu.

Imma l-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lill-Prim Ministru jniżżel lil dan il-pajjiż.

L-Avukat Ġenerali ma tistax iċċaħħad lill-poplu mill-konklużjonijiet tal-Inkjesta. L-Inkjesta għandha tkun ippubblikata biex kulħadd ikun jaf x’fiha. Hu dritt tal-Maltin u l-Għawdxin.

Robert Abela qal li ma jaċċettax dak li sabet l-Inkjesta u fl-istess nifs, jgħid li ma jafx x’fiha.

Robert Abela konfuż, mifxul, dgħajjef u dahru mal-ħajt. U għax dahru mal-ħajt, infexx f’attakk perikoluż fuq il-media, ġab fix-xejn is-saħħa tal-Parlament, immina l-awtorità tal-Qrati, hedded lill-media u lill-ġurnalisti.

Robert Abela jaħseb li hu l-bidu u t-tmiem u qed jakkuża lil kulħadd li hu parti mill-establishment meta l-establishment huwa hu.

Jekk se jibqa’ jrewwaħ din il-fjamma perikoluża, din se tispiċċa ħuġġieġa li se taħraq pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-media, lill-istituzzjonijiet, lill-qrati, lill-imħallfin u lill-maġistrati u talabhom jibqghu sodi fit-twettiq ta’ dmirhom u jonoraw l-obbligi tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista kien dak li kiseb l-Indipendenza, reġa’ ġab id-demokarzija fit-tmeninijiet, daħħal lill-pajjiżna fl-Unjoni Ewropea u llum qed jerġa’ jkun protagonist fl-istorja ta’ pajjiżna.

Se nibqgħu nieqfu lil min qed jipprova jkisser pajjiż. U qed nagħmlu dan għalik.