Lokali Parlament

Ebda deċiżjoni effettiva u serja wara l-inkjesta dwar Jean Paul Sofia


Stanley Zammit, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit sostna fil-parlament li ma ttieħdet ebda deċiżjoni effettiva u serja fis-settur tal-kostruzzjoni wara l-inkjesta dwar Jean Paul Sofia.


Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal li l-gvern ħalla s-saħħa u oqsma oħra abbandunati fosthom il-kostruzzjoni fejn il-cowboys qed ikomplu fejn ħallew. Għaddew tliet xhur minn meta l-Prim Ministru waqqaf il-kumitat tal-kabinett wara l-inkjesta dwar Jean Paul Sofia iżda ma sar xejn konkret.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ewwel azzjoni minn wara din l-inkjesta kienet falliment fejn l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni introduċiet iktar burokrazija, ħela ta’ ħin u spejjeż. Hu qal li l-PN kien ċar dwar il-polza ta’ assigurazzjoni fissettur tal-kostruzzjoni u sostna li dawk involuti għandhom ikunu koperti l-ħin kollu. Possibbli l-BCA mhijiex kapaċi jagħmlu sistema bħal dik ta’ Transport Malta?


In-nuqqas ta’ deċiżjonijiet jew deċiżjonijiet ħżiena qed iwasslu għal iktar ħela ta’ ħin, ikar tbatja u iktar piż fuq dawk li jridu jixtru l-propjetà. L-Awtorità tal-Ippjanar tneżżgħet mill-kompetenza tagħha. Intenzjonalment il-gvern ifframmenta r-responsabbiltajiet fl-entitajiet b’nuqqas serju ta’ kjarezza u koordinazzjoni, sostna Stanley Zammit.