Lokali

Esponenti tal-Labour parti minn “organizzazzjoni kriminali” – Bernard Grech

Mill-Iklin sa San Ġiljan. Minn Għawdex għal Malta. Ma taqta’ xejn il-kampanja tal-Partit Nazzjonalista. B’messaġġ b’saħħtu minn naħa ta’ Bernard Grech sabiex in-nies iżommu ħajja t-tama – għaliex il-Partit Nazzjonalista se jkompli jistinka biex toħroġ il-verità dwar l-iskandlu Vitals .

Waqt li kien qed jindirizza lin-nies fil-Pjazza tal-Balluta u fl-Iklin, il-Kap tal-PN fakkar kif il-Gvern Laburista uża flus il-poplu Malti u Għawdxi għal skopijiet personali minflok għas-settur tas-saħħa. Kien għalhekk li Bernard Grech fakkar li fit-8 ta’ Ġunju kull individwu għandu responsabbiltà x’jaqdi.

Preżenti għal dawn il-laqgħat kien hemm għadd ta’ kandidati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll residenti mill-Iklin u minn San Ġiljan illi laqgħu fil-lokalità tagħhom lill-Kap tal-PN.

Bernard Grech għadda r-rimarki tiegħu fl-istess jum li fih ħarġet il-konferma li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi se jkunu akkużati b’tixħim, frodi u ħasil ta’ flus – akkużi marbuta mas-serqa tal-isptarijiet.

Fost l-akkużati hemm ukoll nies bħal Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, kif ukoll ufficjali ta’ Steward Healthcare. Dawn kollha qed jigu akkużati li pparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali.

Intant, fl-aħħar sigħat, Joseph Muscat innifsu kkonferma l-aħbar żvelata minn Net News – li hu qed ikun akkużat bi frodi ta’ €30 miljun.