Lokali

Fl-Imsida Abela jkompli jxewwex bil-babaw tal-“Establishment”

It-Tlieta filgħaxija l-Prim Ministru Robert Abela b’mod mill-aktar totali ddeċieda li jinjora b’mod assolut il-fatt li l-predeċessur tiegħu Joseph Muscat, flimkien ma’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u diversi persuni oħrajn qed jiġu akkużati fost oħrajn b’assoċjazzjoni kriminali, ħasil ta’ flus u frodi.

Taħt it-tinda fl-Imsida Abela ma’ lissen ebda kelma 24 siegħa wara l-attakki li għamel fuq il-ġurnalisti u l-ġudikatura f’Kastilja u agħar minn hekk kompla jinjora għal kollox il-kritika ta’ diversi akkademiċi u NGOs.

Minflok għal darb’oħra reġa’ xeħet lil kulħadd f’keffa waħda taħt il-babaw tal-establishment – hekk kif kull min ma jaqbilx miegħu qed ikompli jxewwex lis-segwaċi tiegħu kontrihom.

Dan kollu waqt li jappella għal kalma u l-għaqda hekk kif sorsi qrib iċ-ċentru nazzjonali laburista qed jinsistu li t-taqbid fi ħdan il-labour qed jiżdied għal Abela u sħabu.

Tajjeb wieħed jinnota però li wisq inqas ma lissen kelma fuq l-iskola Primarja f’din il-lokalità – skola li l-Misidjani ilhom jistennew għal snin sħaħ.

Intant il-Kandidat għall-Parlament Ewropew Laburista Clint Azzopardi Flores issokta kontra l-inkjesta Vitals fejn saħansitra insinwa li t-timing tagħha huwa magħmul saħansitra biex tiġi ddevjata apposta l-attenzjoni minn fuq il-gwerrer.

Dan filwaqt li kompla bin-narrattiva tal-Prim Ministru Robert Abela – dak tas-suppost establishment fejn stqarr li dan huwa kollu script.

Azzopardi Flores kompla jinsinwa li hemm l-establishment wara l-inkjesta tal-Vitals u kompla jiżvaluta xogħol il-Maġistrat Gabriella Vella.

Dan filwaqt li l-kandidat tal-Labour infexx f’attakki partiġġjani fuq livell lokali kif ukoll ewropew u kompla billi attakka lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Finalment huwa temm jgħid li jrid li dawk preżenti jibqgħu jirreżistu lill-establishment u saħansitra sejjaħlu dritt.

Madanakollu s’issa minn Robert Abela ‘l isfel ħadd għadu ma semma isem biex imqar jindika min hu dan l-establishment li skont il-Prim Ministru nnifsu saħansitra anke l-midja u l-ġurnalisti huma parti minnu, kif ukoll l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.