Lokali

Galdes ma jiċħadx li l-applikazzjonijiet għall-housing fis-Siġġiewi saru minn persuna waħda

Roderick Galdes jgħid li għal dawn l-elezzjonijiet ma tagħmilx differenza fejn tivvota

“Mhux veru li l-appartementi tal-housing soċjali fis-Siġġiewi għadhom fi stat shell.”

Sostna dan mal-ġurnalisti t-Tnejn waranofsinhar il-Ministru Roderick Galdes b’rabta  mal-fatt li fl-aħħar reġistru elettorali tfaccaw 99 persuna rreġistrati fuq binja fis-Siġġiewi li s’issa ċertament mhix abitabbli – bħalma jixhdu filmati miġbuda minn Net News.

B’rabta ma’ dan il-Partit Nazzjonalista fetaħ rikorsi fil-Qorti bil-għan li r-Reġistru Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali kif ukoll għall-Kunsilli Lokali u tal-Unjoni Ewropea jiġi rivedut minnufih.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, Galdes saħaq li fejn tivvota ma tantx tagħmel differenza għall-elezzjonijiet tal-Unjoni Ewropea….fejn bl-aktar mod frank f’dak il-waqt injora għal kollox l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Intant, b’mod mill-aktar surreali Galdes saħaq li Partit Nazzjonalista fil-Gvern qatt ma qassam housing soċjali – bil-Ministru donnu nesa l-Housing Socjali fl-Imsida, Bormla, Birkirkara,  Furjana, Valletta, Pembroke, Imġarr u Birżebbuġa. Apparti l-Housing Affordabbli fil-Fgura, Ħal Lija, Imqabba, Qawra, Qrendi, Siġġiewi u ż-Żurrieq.

Meta kien mistoqsi dwar il-fatt li l-applikazzjonijiet tad-99 persuna fis-Siġġiewi ġew proċessati mill-istess persuna, Galdes saħaq li dan mhux kompitu tiegħu iżda ta’ min hu responsabbli minn Identity Malta…ċioè l-Ministru Byron Camilleri.

Intant, mistoqsi biex iwieġeb dwar l-istqarrija u l-kundanna tal-GhSL u 22 għaqda studenteska oħra fejn kritikaw l-attakk tal-Gvern fuq il-ġudikatura …Galdes ssokta bl-istess kritika