Internazzjonali

Gaza: Aktar kisbiet għall-militar Iżraeljan fost it-tensjoni dwar Rafah

Il-qawwiet tad-difiża Iżraeljani qalu li ‘effettivament’ qed jikkontrollaw l-artijiet viċin l-aċċess ta’ Rafah. Dan, x’aktarx, bħala parti mit-tħejjija għal ‘attakk deċiżiv’ fuq il-gruppi tal-Ħamas qalb iz-zoni ffullati bl-eluf kbar tar-refuġjati Palestinjani.

L-offensiva pjanata ta’ Iżrael fuq il-belt ta’ Rafah għandha tkun l-akbar azzjoni fil-gwerra ta’ Gaza li ilha minn Ottubru u meta fl-aħħar sigħat, il-qawwiet Iżraeljani wettqu numru ta’ attakki fuq il-miri tal-Ħamas fl-inħawi.

Madankollu, l-isforzi diplomatiċi ma’ waqfux, fost it-tamiet iddisprati li jintlaħaq ftehim li jwaqqaf fażi ġdida tal-gwerra li għandha tkun katastrofika għall-1.5 miljun refuġjat Palestinjani f’Rafah.

Dan fost stennija għal fażi oħra ta’ taħditiet fl-Eġittu wara li l-grupp Ħamas qal li għandu jaċċetta ftehim imfassal mill-medjaturi Eġizzjani. Intant Iżrael mhux jaċċetta dan il-pjan fost l-istqarrijiet li dan ma jissodisfax id-domandi ewlenin dwar is-sigurtà tal-komunitajiet tal-Iżraeljani viċin ta’  Gaza.

Baqa’ mhux ċar x’qablu dwaru l-Ħamas, iżda jaħsbu li l-proposta inkwistjoni tinkludi l-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani li ilhom miżmumin f’Gaza minn Ottubru u li suppost isir bi skambju mal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet ta’ Iżrael.

Min-naħa tiegħu, il-Kabinett tal-Gwerra Iżraeljan ivvota biex ikompli bil-kampanja militari kontra l-Ħamas — iżda r-rapporti qalu li Iżrael xorta bagħat delegazzjoni lejn il-Kajr biex tipparteċipa f’numru ta’ hekk-imsejħa ‘taħditiet indiretti’.

Iżrael u l-Ħamas it-tnejn ma jridux jidhru responsabbli għal sitwazzjoni fejn ‘il-bieb jingħalaq għal kollox’ għall-prospetti ta’ waqfien mill-ġlied. B’hekk, in-naħat avversarji qegħdin jindikaw li huma disposti għan-negozjati – anki meta l-urġenza tal-kriżi umana f’Gaza qed tirranka minn jum għall-ieħor.

Mietu aktar minn 35,000 Palestinjan f’Gaza mindu Iżrael irritalja bil-kbir għall-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas f’artu…Attakki li fihom inqatlu aktar minn 1,200 Iżraeljani (irġiel, nisa u tfal) b’madwar 300 oħra jispiċċaw ostaġġi.

Intant, aktar ċivili qed jingħaqdu mal-eżodu ta’ Palestinjani minn Rafah. Dan wara li Iżrael ħareġ direttivi biex mal-100,000 ċivili jevakwaw minn ċerti zoni tal-belt li fl-aħħar xhur serviet bħala refuġju ewlieni għall-familji li qed jaħarbu mill-gwerra.