Lokali

Id-diskors ta’ Abela qed ipoġġi taħt theddida serja d-demokrazija f’pajjiżna – Aditus

Ritratt: Martin Agius

Il-poplu għandu jiddefendi lill-ġudikatura u lill-ġurnalisti u jgħid “Daqshekk!”

Il-Prim Ministru m’għandu taħt l-ebda ċirkustanza jabbuża mill-poteri u jintimida lil min mhux komdu bih

Sostna dan l-NGO aditus hekk kif appellat lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jieqaf jimmina d-demokrazija ta’ pajjiżna.

Huma kkundannaw b’saħħa d-diskors ta’ Abela wara l-attakk imsejjaħ minnhom bħala sfaċċat fuq il-ġudikatura u l-ġurnalisti – bl-NGO tisħaq li d-diskors tal-Prim Ministru kien attak dirett intiż biex jimmina persuni li mhux komdu bihom u bix-xogħol li qed iwettqu.

Aditus saħqu li l-Prim Ministru m’għandu taħt ebda ċirkustanza jabbuża mill-poteri tiegħu biex jintimida, jikser jew saħansitra jwettaq bullying fuq il-ġudikatura jew il-media.

Dan filwaqt li insistew li l-poplu għandu jqum u jiddefendi lill-ġudikatura u lill-ġurnalisti u jgħidu “Daqshekk!”

Huma spjegaw li ġudikatura indipendenti u ġurnaliżmu ħieles huma fundamentali sabiex f’pajjiżna jiġu żgurati l-kontabbiltà u r-rule of law essenzjali fi kwalunkwe pajjiż demokratiku.

Aditus insistiet li d-diskors ta’ Abela wera b’mod ċar li hu kompletament jinjora dawn il-karatteristiċi fundamentali ta’ pajjiż demokratiku – anzi poġġa taħt theddida serja d-demokrazija f’pajjiżna.

Huma kkundannaw l-attakk faħxi fuq il-ġudikatura u l-iżvalutar tal-ħidma tal-Maġistrat Gabriella Vella dan filwaqt li saħqu li l-attakki fuq il-ġurnalisti u l-media huma ta’ periklu kbir u qed jirriskja li l-affarijiet jeskalaw.

L-NGO saħqet li huwa inkwetanti ferm li l-ogħla awtorità fil-pajjiż, ċioe il-Gvern, qed jintuża sabiex b’mod sfaċċat jakkużaw l-istutuzzjonijiet li suppost qed jissalvagwardjaw id-demokrazija – mossa bla ebda preċedent intiża biex twerwer lil kull min jazzarda jlissen messaġġ ta’ verità.

Intant il-President ta’ aditus, Neil Falzon, fakkar lil Robert Abela x’ġara mill-predeċessur tiegħu wara li azzarda jmexxi kampanja kontra l-ġurnalisti f’pajjiżna.

Huwa ħeġġeġ lill-Prim Ministru sabiex jieqaf immedjatament jattakka lill-ġudikatura u lill-ġurnalisti filwaqt li insista sabiex f’pajjiżna jkollna forma ta’ kontabbiltà minn dawk fis-siġġu tal-poter.