Internazzjonali

Il-Gvern Malti preżenti għall-ġurament ta’ Vladimir Putin; fost sitt pajjiżi biss tal-UE li attendew għaċ-ċerimonja f’Moska

Malta kienet fost sitt pajjiżi biss mill-UE li kienu rappreżentati waqt iċ-ċerimonja f’Moska fejn Vladimir Putin ingħata l-ġurament bħala President tar-Russja għas-sitt snin li ġejjin…Dan bħala l-konklużjoni formali tal-elezzjoni presidenzjali ta’ ġimgħat ilu fejn Putin, effettivament, ikkuntesta mingħajr oppożizzjoni serja waqt proċess ‘anti-demokratiku’ għall-aħħar.

Il-parti kbira tal-pajjiżi tal-Punent u l-Ewropa rtiraw l-ambaxxaturi minn Moska qabel l-avveniment bħala turija ċara li huma kienu qed jiddisassoċjaw ruħhom minn ċerimonja li konfermat l-istatus quo fit-Tmexxija tar-Russja li qed tippersisti fit-triq tal-gwerra….Tmexxija li fil-preżent qed thedded lill-kontinent tal-Ewropa bil-possibbiltà ta’ olokawst nukleari minħabba l-għajnuna li l-Istati tal-Unjoni Ewreopea qed jagħtu lill-Ukrajna biex hi tirreżisti għall-invażjoni brutali mill-qawwiet ta’ Putin.

L-osservaturi barranin irrimarkaw li n-nuqqas tal-ambaxxaturi f’Moska għandha titqies bħala ċaħda ċara għall-politika aggressiva ta’ Putin u l-Kremlin — u meta wħud anki rrimarkaw ‘b’sens ta’ sorpriża’ dwar il-preżenza tar-rappreżentanti diplomatiċi minn Franza. Ma’ dawn id-diplomatiċi u r-rappreżentanti Maltin, f’Moska, kien hemm ukoll rappreżentanza diplomatika mill-Greċja, is-Slovakkja, l-Ungerija u Ċipru.

Min-naħa tiegħu, il-Kremlin ipprova jimminimizza l-bojkott tal-avveniment mid-diplomatiċi tal-Punent u, għamel punt li jirreferi b’mod partikulari għall-preżenza — minn aspett diplomatiku — tas-sitt pajjiżi Ewropej, ilkoll membri tal-Unjoni Ewropea.

Din kienet il-ħames darba li Vladimir Putin daħal fil-Palazz tal-Kremlin ta’ Moska biex jingħata l-ġurament mindu hu kien sar President tar-Russja għall-ewwel darba fl-2000. U f’diskors lill-Ministri u distinti oħra preżenti għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, Putin sostna li r-Russi, bħala poplu,  qed juri sens ta’ għaqda u solidarjetà li bih għandhom jegħlbu l-ostakoli kollha quddiemhom.

Iċ-ċerimonja f’Moska, fl-istess ħin, fakkret fl-ewwel diskors ta’ Putin bħala President meta hu, fl-2000, kien wiegħed biex jippreserva u jiżviluppa d-demokrazija filwaqt li jaċċerta tmexxija li kellha tħares l-interessi tar-Russi kollha.

Iżda ċ-ċirkustanzi, 24 sena wara, inbidlu drastikament, bir-Russja għaddejja bit-tielet sena ta’ konflitt militari totali mal-Ukrajna fejn inqatlu l-mijiet tal-eluf  tas-suldati Russi.

U minflok ma kattar id-demokrazija f’pajjiżu, Vladimir Putin qed jippresiedi fuq sistema mill-aktar ripressiva karatterizzata bil-mewtiet misterjużi tal-avversarji politiċi u l-qtil u priġunerija tal-membri tal-istampa li jażżardaw jikkritikaw it-tmexxija tiegħu,