Lokali

Il-Labour juża l-Pulse biex jiżra l-firda fost l-istudenti u jkompli jattakka l-ġudikatura

Il-Labour ikompli jipprova jiżra firda fost il-poplu Malti u Għawdxi filwaqt li jkompli jattakka lilll-ġudikatura, din id-darba permezz tal-għaqda studenteska Pulse. Għaqda magħrufa għall-qrubija li għandhom mal-Labour.

F’post fuq il-midja soċjali Pulse stqarrew illi mhux ħa jkunu qed jattendu protesta mtella’ minn diversi studenti u għaqdiet Universitarji b’solidarjetá  mal-ġudikatura. Protesta li se tkun qed issir illum fit-8pm quddiem il-Qorti.

Id-deċiżjoni tal-Pulse sabiex il-membri tagħha ma jattendux il-protesta tiġi wara pressjoni enormi mit-tmexxija f’Kastilja sabiex din l-għaqda timbotta r-retorika tal-Partit Laburista.

L-għaqda studenteska Pulse fil-kitba tagħha tammetti illi l-attakki bla preċedent u kontinwi tal-Prim Ministru Robert Abela huma tassew fis-seħħ, fejn stqarret illi “attakki bħal dawn diġa’ saru fil-passat”. Bl-għaqda tispjega li – skont l-membri tagħha, dawk li sejjħitilhom attakki fuq il-ġudikatura passati ma kienux ikkundannati mill-istudenti.

Intant kienu bosta studenti u membri ta’ diversi għaqdiet Universitarji illi esprimew id-diżappunt tagħhom f’din l-għaqda illi suppost hija l-vuċi tal-istudent, iżda għall-kuntratju ta’ dan qed tkun il-vuċi tal-Gvern Laburista. Fatt li juri kif il-Mexxej tal-Labour qed juża’ l-mezzi kollha possibbli sabiex jiżra l-firda fil-poplu Malti u Għawdxi.

Dan kollu fid-dawl tal-attakki bla preċedent u kontinwi tal-Mexxej Laburista Robert Abela, illi ilu għal dawn l-aħħar ġranet juża’ l-politika ta’ “aħna” u “huma” hekk kif qed jipprova jaghmel distinzjoni bejn il-partitarji tiegħu u dawk li ma jaqblux miegħu. Dan kollu wara li ingħalqet l-Inkjesta Vitals, bl-eks mexxej Laburista Joseph Muscat ikun fiċ-ċentru ta’ dan l-akbar każ ta’ korruzzjoni fl-istorja ta’ pajjiżna, bl-istess Muscat ikun l-ewwel Prim Ministru Malti illi għandu akkużi kriminali serji miġjuba kontrih.

B’Robert Abela issa juża lill-istudenti sabiex imexxi retorika ta’ attakki u firda, kaġun tal-biża’ li ħakmitu f’dawn l-aħħar ġranet wara li ġie żvelat li l-Inkjesta Vitals issa konkluża.