Lokali

Il-Moviment Graffitti jikkundanna bil-qawwa l-kummenti riċenti li saru mill-Prim Ministru

Moviment Graffitti ħarġu stqarrija fuq Facebook. Il-Prim Ministru bħal donnu jeħtieġ lil min ifakkru li aħna ngħixu taħt is-saltna tad-dritt. Is-setgħa ma ssarrafx awtomatikament fis-sewwa.

Kull min sema’ lill-Prim Ministru jagħmel dawn l-attakki ma setax ma jħossx ġismu jqum xewk xewk. Dan kollu nissel mistoqsija f’moħħ in-nies: Robert Abela sa fejn lest li jasal biex ikompli jipproteġi, ripetutament, lil dawk li aġixxew b’mod sfaċċat kontra l-interessi tal-poplu

Aħna ilna nappellaw sabiex KULL ftehim li missew miegħu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri jiġi investigat, u fejn il-ftehim instab li kien frawdolenti – bħal fil-każ tal-isptarijiet – il-proprjetà għandha tingħata lura f’idejn il-poplu. Għandhom ukoll jittieħdu passi kriminali kontra dawk li daħqu bil-poplu u ffrodawh.

Issa li fl-aħħar qed jittieħdu dawn il-passi, Robert Abela ħareġ bi ħġaru jattakka kull istituzzjoni li mhix qiegħda taħt il-kontroll tiegħu. Din l-imġiba mhija xejn għajr il-bullying tas-soltu li aħna mdorrijin naraw fis-settur tal-ippjanar, fejn il-Gvern wera li lest jagħmel minn kollox biex jaqdi lil dawk li għandhom ħafna flus u influwenza politika.

Prim Ministru, nistgħu nassigurawk li aħna ma niffurmaw parti mill-ebda “establishment”, iżda nemmnu li kulħadd irid iwieġeb għall-azzjonijiet tiegħu, ikun min ikun. Inti qed tattakka lis-sistema ġudizzjarja, qed timmina istituzzjonijiet indipendenti, u qed tilgħab logħba perikoluża bil-futur ta’ pajjiżna. Dan mhux aċċettabbli

Wasal iż-żmien li verament tħalli lill-istituzzjonijiet jaħdmu, mingħajr ebda tfixkil