Numru kbir ta’ studenti nġabru quddiem il-Qorti, kollha bil-għan li jwasslu messaġġ ċar lill-Gvern li ma jistax ikun jibqa’ sejjer b’din l-attitudni ta’ attakki lejn il-Qorti.
Il-President tal-GĦSL spjega kif meta l-Prim Ministru jkun qed jitkellem, dan ikun qed jitkellem f’isem l-istat u f’isem il-Gvern, u għalhekk id-diskors li Robert Abela għamel ibieraħ filgħaxija, ma għamlux bħala Avukat jew bħala Kap tal-Partit, imma għamlu f’isem il-Gvern u f’isem il-Ministri kollha.
Permezz tad-diskors tiegħu, Abela ħa pożizzjoni kontra l-Qorti u din hija xi ħaġa inaċċettabbli f’pajjiż demokratiku. Andrew Drago saħaq kif il-Prim Ministru mhux vera għandu kontroll fuq il-funzjoni tal-Qorti, għax dan huwa wieħed mill-pilastri tad-demokrazija li għandhom ikunu indipendenti.
Membri mill-KSU nsistew li l-poplu mhux se joqgħod għall-abbużi li qed isiru.
Luke Bonanno, fid-diskors tiegħu, spjega kif id-diskors ta’ Robert Abela dan l-aħħar wera kif dan nesa mhux biss li hu Avukat imma nesa wkoll li l-mexxeja għandhom obbligu lejn l-istat. Spjega wkoll kif il-vot tal-poplu ma jagħtix id-dritt li l-Gvern jabbuża mill-poplu u jabbuża mis-saltna tad-dritt.
Laura Chetcuti Dimech min-naħa tagħha aċċennat għall-fatt li mhux minnu li Inkjesta Maġisterjali trid tingħalaq fi żmien 60 ġurnata. Hi temmet id-diskors tagħha billi kkwotat parti mit-teżi li l-Prim Ministru Robert Abela kien issottometta meta kien l-Università, liema teżi tgħid bl-aktar mod ċar li l-Gvern qatt ma għandu jindaħal fil-proċess ġudizjajrju.
//= $special ?>