Lokali Parlament

Il-Prim Ministru m’għandu l-ebda poter fuq il-ġudikatura


Mark Anthony Sammut, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut sostna fl-Aġġornament tal-parlament li l-Prim Ministru Robert Abela jrid jifhem li hu m’għandu l-ebda poter fuq il-ġudikatura għaliex din hi indipendenti.


Mark Anthony Sammut qal li l-Prim Ministru fetaħ attakk fuq il-ġudikatura għax ma jridhiex taħdem u sostna li l-Prim Ministru qed juża l-magna ta’ mibgħeda tal-istazzjon Laburista biex ixewwex in-nies fuq maġistrat. Hu qal li l-Prim Ministru nesa kliem missieru stess, l-ex President George Abela, li kien qal li l-media m’għandhiex tintuża biex ikunu pubblikati ritratti ta’ maġistrati.


Id-deputat Nazzjonalista sellem lill-istudenti li se jipprotestaw quddiem il-qrati u qal li kulħadd irid jiffaċċja l-ġustizzja bl-istess mod.


Hu sostna li f’demokrazija normali, meta ministru jkun qed jiffaċċja akkużi fil-qorti dan jirriżenja. Dan seħħ anki f’dan il-pajjiż anki meta n-nies ta’ fiduċja tal-gvern stess żbaljaw fosthom l-ex Ministru Manwel Mallia u l-Ministru Michael Falzon.


Mark Anthony Sammut qal li l-Prim Ministru qed jgħid li anki jekk xi ministru jitressaq akkużat dwar l-isptraijiet, hu ma jridhomx jirriżenjaw.


Hu sostna li mhux magħruf jekk id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jew jekk l-ex Ministru tal-Finanzi u Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna hux se jitressqu l-qorti iżda jittama li meta dawn jmorru l-qorti bħala akkużati huma jkunu tressqu fuq bażi personali u ma jkunux għadhom ministri jew Gvernatur tal-Bank Ċentrali.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru qal li issa jiddeċiedu n-nies fuq ix-xogħol tal-maġistrat. Minn mindu ‘l hawn dan il-pajjiż sar għandu l-qorti tal-poplu, irrimakra Mark Anthony Sammut, li kompla li l-Prim Ministru jrid jieħu lill-poplu 2,000 sena ilu.


Il-ġustizzja jwettquha l-ġudikanti li ma jkunx mhedda mill-gvern, sostna Mark Anthony Sammut, li kompla li l-Prim Ministru qal ukoll li hu jservi bħala checks and balances fuq il-ġudikatura. Dan hu Prim Ministru kretin jew korrott!


Mark Antnony Sammut sostna li l-Prim Ministru jiċċekkja biss lill-ministri tiegħu u mhux lill-ġudikatura. Il-Prim Ministru m’għandu l-ebda poter fuq il-ġudikatura u propju għalhekk hi indipenenti. Imma l-Prim Ministru jaħseb li hu l-Imperatur jew l-Ayotallah.


Il-Prim Ministru għamel għażel li jkun fuq in-naħa tal-kriminali flok fuq in-naħa tal-poplu. Għalhekk il-Prim Ministru qed jagħmel din l-għażla; kemm hu kif ukoll dawk li qed jitkellmu bħalu.


Il-PL illum sar organizzazzjoni kriminali. Dan hu Prim Ministru li bena ġidu mal-kriminali u li sar Prim Ministru għax għamel patt imxajtan mal-krimnali. Illum il-Prim Ministru mhux iservi ta’ difensur tal-poplu iżda ta’ difensur tal-kriminali.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-poplu għandu jingħaqad billi l-ġudikatura titħalla tkun indipendenti iżda l-Prim Ministru jaħseb li għax il-ħaddiema tawh il-fiduċja, allura l-PL għandu dritt jabbuża lill-istess ħaddiema waqt li jhedded lill-ġudikatura u jipprova jżommha milli tagħmel xogħolha.