Sport

Il-veterani Maltin dominanti kontra t-tim ta’ Antonin Panenka

It-tim nazzjonali Malti tal-veterani kiseb rebħa ta’ 4-1 kontra Amfora Club Prague f’logħba internazzjonali ta’ ħbiberija li ntlagħbet fiċ-Charles Abela Stadium, fil-Mosta.

Il-Maltin kienu dominanti tul il-logħba kollha u sa tmiem l-ewwel taqsima kienu diġà 2-0 minn fuq. Fit-tieni taqsima, huma kkontrollaw tajjeb sabiex ħarġu bir-rebħa finali.

Fost il-plejers Ċeki kien hemm ir-rebbieħ tal-kampjonat Ewropew tal-1976, Antonin Panenka, kif ukoll Karol Dobias u Jan Berger.

Malcolm Camilleri skorja żewġ gowls filwaqt li Kevin Loughborough u Carmel Formosa żiedu aktar gowls għall-veterani Maltin.

Roman Skamene naqqas il-marġni tal-iskor għaċ-Ċeki.

Il-Maltin immexxija mill-kowċ Joe Micallef bdew b’din il-formazzjoni:

Mario Muscat, Massimo Schembri, Garrett Magri, Brian Said, Jeffrey Chetcuti, Franco Degabriele, Malcolm Camilleri, Colin Ciantar, Carmel Formosa, Kevin Loughborough, Michael Degiorgio.

Referee tal-logħba kien l-eks referee tal-FIFA Pavlin Jurku.