Lokali Qorti

Il-Labour jitlob lil Gabriella Vella tirrekuża ruħha milli tisma’ r-rikorsi dwar il-voti fuq il-housing tas-Siġġiewi – il-Maġistrat tiċħad din it-talba

Il-Labour baqa’ għaddej bl-attakki fuq il-ġudikaturi, hekk kif issa – bla raġuni valida – ried li l-Maġistrat Gabriella Vella tirrekuża ruħha milli tisma’ r-rikorsi dwar il-voti li intefgħu fuq postijiet tal-housing fis-Siġġiewi.

Wara li uħud minn dawn il-kawżi ġew quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, il-Partit Laburista talab ir-rekuża tal-Maġistrat Vella.

Il-Labour qal li “fid-dawl taċ-ċirkostanzi kif żviluppaw fl-aħħar xhur u fl-aħħar jiem, intalbet ir-rikuża tal-Maġistrat Gabriella Vella milli tisma’ din il-kawża”. Bil-Partit Laburista ma jgħidx x’inhuma “dawn iċ-ċirkustanzi”.

Il-Maġistrat Gabriella Vella ċaħdet milli tirrikuża ruħha, u allura uħud mir-rikorsi se jinstmgħu quddiemha.

Kien il-PN illi fetaħ dawn ir-rikorsi wara li induna bil-manuvri li għamel il-Labour fis-Siġġiewi meta inħareġ id-dokument tal-vot fuq persuni li ma jgħixux f’din il-binja tal-housing. Dan għaliex, effettivament, il-binja mhix lesta.