Lokali

Kandidati tal-Labour jattakkaw id-domandi li saru mill-media indipendenti

Il-kandidat Daniel Attard ikompli bl-attakki fuq il-ġurnalisti

Il-kandidati Laburisti għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew issoktaw bin-narrattiva tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Robert Abela u komplew jattakkaw id-domandi tal-media indipendenti u lill-ġurnalisti.

Dan hekk kif minkejja l-kritika qawwija tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fejn saħqu li huwa inaċċettabbli li waqt il-konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn waranofsinhar, Abela akkuża numru ta’ ġurnalisti u l-kumpaniji tagħhom li qed jaħdmu għal dak li qed jirreferi għalih bħala l-Establishment – u ċioè implika li l-ġurnalisti huma għedewwa tal-Istat u tal-poplu – il-kandidat tal-Labour Daniel Attard kompla bl-attakk irresponsabbli.

Filwaqt li l-IĠM ikkundanna l-kummenti fejn spjega li l-Prim Ministru m’għandux jinstiga l-mibegħda kontra l-ġurnalisti u l-midja, Daniel Attard issokta bit-tixwix fil-konfront tal-ġurnalisti.

It-Tlieta filgħodu l-Eks Sindku tal-Imtarfa u wieħed mill-kandidati li ġej mill-fazzjoni ta’ Muscat, attakka d-domanda tal-ġurnalist ta’ Lovin’Malta Tim Diacono għaliex staqsa jekk Abela hux se jsejjaħ elezzjoni ġenerali.

Attard implika li d-domanda, Diacono staqsiha għaliex “dejjem hekk riedu. Jabbużaw mill-ġustizzja biex jaħtu l-poter.”

Narrattiva li tkompli ma’ dik ta’ Robert Abela fejn f’nofs konferenza tal-aħbarijiet sostna li l-ġurnalist ġie mġiegħel minn dak li qed isejjaħlu establishment biex jistaqsiha.

Daniel Attard, magħruf sew għal qrubija li għandu mal-fazzjoni ta’ Joseph Muscat tant li fil-ftuħ tal-kampanja tiegħu għall-kandidatura tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, saħansitra stieden lil Michelle Muscat sabiex tagħmel l-endorsement tagħha.

Fl-aħħar jiem, l-istess Attard issokta bin-narrattiva ta’ din l-imsejħa mil-Labour bħala vendetta politika, u issa rikeb il-karru ta’ Abela fl-attakk fil-konfront tad-domandi tal-ġurnalisti indipendenti.