Fi stqarrija l-għaqda Repubblika sostniet li – Aħna mħassbin bil-kbir bl-istqarrijiet awtoritarji u faxxisti tal-Prim Ministru Robert Abela. Kliemu kien imtenni minn ministri anzjani tal-gvern, inklużi l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard u -Ministru tal-Intern Byron Camilleri, u ħafna esponenti tal-Partit Laburista li mmirraw il-kampanja tagħhom fuq membru tal-ġudikaturi li lestiet inkjesta kriminali u tat direzzjoni biex jitressqu eks uffiċjali għolja tal-Partit Laburista inklużi l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-kap tal-uffiċċju tiegħu Keith Schembri u l-Eks Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi fost ħafna oħrajn.
Konsegwentament dan l-attakk qed isir fuq kull uffiċjal pubbliku fil-ġudikatura, fil-Pulizija, u fis-servizz tal-prosekuzzjoni li jaġixxu skont il-liġi fuq dak li sabet l-inkjesta.
Anke qabel feġġet l-aħbar li ntemmet l-inkjesta, il-Prim Ministru Robert Abela beda kampanja pubblika, ippjanata, u qawwija li poġġa fil-mira lill-maġistrat inkwirenti u għamilha “membru tal-establishment” u akkużaha b’mod dirett li wettqet tpattijja partiġjana fuq Joseph Muscat u fuq il-Partit Laburista.
Ħafna uffiċjali tal-gvern irrepetew dan il-kumment u bdew kampanja online u fid-dinja fiżika ta’ vittimizzazzjoni tal-maġistrat inkwirenti. Il-mezzi tal-Partit Laburista ppubblikaw ritratti tal-maġistrat inkwirenti, u poġġewha fil-mira tal-mibegħda u l-intimidazzjoni u esponewha għal riskju ċar ta’ vjolenza.
Qed nerġgħu naraw sforz organizzat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mmexxi mill-persuna li tokkuppah, biex jiskredita kull min jieħu l-provi ta’ tixħim u korruzzjoni għall-konklużjoni loġika u legali tagħhom, billi jheddidhom, jintimidahom, u jara li n-nies li hemm suspett raġjonevoli fuqhom li wettqu reati u korruzzjoni u n-nies fil-politika li huma qrib tagħhom, jibqgħu jgawdu l-impunità. L-Inkjesta Daphne Caruana Galizia sabet li din l-imġiba kkawżat il-qtil tagħha li għalih l-Inkjesta sabet l-istat Malti responsabbli.
Pubblikament, il-Prim Ministru Robert Abela asserixxa li għax hu jmexxi l-fergħa eżekuttiva, għandu r-rwol li jkun “check and balance” fuq il-ġudikatura. Dan hu poter li l-kostituzzjoni, li trid is-separazzjoni tal-poteri, espliċitament ma tridx li jkun f’idejn l-eżekuttiv, speċjalment meta wieħed iqis li dan l-intervent oxxen tal-gvern irid li jipproteġi lil individwi b’poter politiku mill-prosekuzzjoni kriminali. L-imġiba tal-Prim Ministru hi assalt oxxen fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u fuq is-saltna tad-dritt.
Bħala attivisti tas-soċjetà ċivil li naħdmu għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt, ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem din l-aggressjoni tal-Prim Ministru fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u fuq il-prinċipju li kulħadd l-istess taħt il-liġi biex jipproteġi l-interessi tiegħu u tal-partit tiegħu. Ser nirreżistu dan l-attakk u se niddefendu lill-uffiċjali tal-istat li għandhom kuxjenza.
//= $special ?>