L-IĠM jinnota bi tħassib it-ton li uża l-Prim Ministru fil-konferenza stampa tal-bieraħ fejn akkuża lil xi ġurnalisti u l-kumpaniji tal-midja tagħhom, li qed jaħdmu għal ‘l hekk imsejjaħ ‘Establishment’, implikazzjoni ċara li huma għedewwa tal-Istat u tal-poplu.
L-IGM jikkundanna dawn il-kummenti, li huma inaċċettabbli f’soċjetà demokratika.
Fi żmien meta l-pajjiż jinsab lejlet elezzjoni u meta każ serju li jista’ jkollu rammifikazzjonijiet politiċi se jibda fil-qrati dalwaqt, il-Prim Ministru m’għandux jinstiga ‘l mibegħda kontra l-ġurnalisti u l-midja.
L-IĠM jitlob lill-Prim Ministru jimmodera l-lingwaġġ tiegħu. Wara kollox, il-ġurnalisti qed jagħmlu biss xogħolhom meta jistaqsu l-mistoqsijiet u jżommu l-awtoritajiet tal-pajjiż, huma min huma, kontabbli għal għemilhom.
L-IĠM joffri l-appoġġ kollu tiegħu u juri solidarjetà mal-ġurnalisti f’dan il-mument u jħeġġiġhom ikomplu jaħdmu mingħajr biża’ jew favur.
//= $special ?>