Lokali Parlament

L-NAO isib nuqqasijiet kbar fil-mod saru x-xogħlijiet fix-shooting range minn SportMalta


L-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali (NAO) sab nuqqasijiet kbar fil-mod kif saru n-nuqqasijiet x-xogħlijiet li saru fix-shooting range f’Tan Kandja fis-Siġġiewi li swew €11.3 miljuni.


Dan ir-rapport tal-Awditur Ġenerali kien trattat f’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li kien presedut miċ-Chairman u Deputat Nazzjonalista Darren Carabott. Għall-gvern ipaprteċipaw id-Deputati Laburisti Alex Muscat, Glen Bedingfield, Andy Ellul u Amanda Spiteri Grech.


Għall-Oppożizzjoni pparteċipaw ukoll id-Deputati Nazzjonalisti Graham Bencini u Claudette Buttigieg.
Fil-bidu tal-laqgħa, l-uffiċjal tal-NAO Orland Bonavia qal li dan il-każ daħal fir-rapport awditjat tal-2019. Dan ir-range kien mibni għal-Logħob Dinji tal-Isparar u kien maniġġjat minn SportMalta sa minn Ġunju 2017. Jirriżulta li l-proġett sewa €11.3 miljuni. Ir-rapport awditjat kien li l-proċeduri tax-xiri jkun jaqbel ma’ dak li seħħ u dwar jekk kienx hemm kontrolli qabel tħallsu l-pagamenti.


Waħda mill-ikbar problemi kienet li SportMalta ma kinitx x’pożizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni bażika u l-NAO kellu jġib l-informazzjoni mingħand il-kuntrattur jew il-periti li jagħmlu x-xogħol għax ma kellhiex l-informazzjoni fosthom minħabba li ma kinitx tinżamm f’postha. Kien hemm rapporti konfinġenti fi ħdan SportMalta stess.


Orland Bonavia qal li l-kontrolli interni f’dan il-proġett kienu batuti fejn xogħol ta’ €4 miljuni ma kellux performance guarantee jew single bond. Lanqas kien hemm appearance report mid-Dipartiment tal-Kuntratti dwar xogħol żejjed li jiswa €440,000.


Jirriżulta wkoll li n-nefqa fuq il-modifikazzjonijiet fl-istand fejn joqgħodu n-nies inqabżet b’29%. Diffikultjiet oħra kienu li kien hemm ftehim dwar bini ta’ ħajt u kien hemm kuntratt ta’ €2.3 miljun li kien iffirmat wara li kien diġà beda x-xogħol. Jirriżulta li kien inħareġ kuntratt ta’ €260,000 biex tkun elsta l-istand.


Dwar il-bini ta’ ħajt u l-club house saru kuntatti ma’ tliet kuntratturi għal offerti. Il-kwotazzjonijiet kellhom ikunu negozjati iżda ma kinux u qablu mal-ewwel mal-istimi ta’ kuntratti anki jekk dawn kienu iktar mill-valutazzjonijiet.


Il-files li ngħataw minn SportMalta lill-NAO ma kellhomx informazzjoni dwar it-timelines u lanqas dwar id-dati ta’ meta suppost bdew u spiċċaw ix-xogħlijiet. Problema oħra kienet li l-NAO mhux dejjem ingħata ċ-ċertifikati neċessarji dwar ix-xogħlijiet u d-dati meta kellhom jispiċċaw ix-xogħlijiet u għalhekk l-NAO ma setax jistabilixxi jekk kellux ikun hemm penali.


L-Awditur Ġenerali qal li meta SportMalta ngħatat din ir-responsabbiltà, l-entità ma kinitx adatta biżżejjed amministrattivament biex twettaq dan il-proġett fosthom b’nuqqas ta’ żamma ta’ dokumentazzjoni. SportMalta lanqas kellha periti tagħha u kellhom imorru għand id-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Jirriżulta li SportMalta ma kellhiex ownership tal-proġett u l-informazzjoni kienet iktar għand il-kuntrattur milli għand SportMalta.


Id-Deputat Nazzjonalista David Agius staqsa dwar fethim barra l-qorti dwar infieq ta’ €2 miljuni oħra li tellgħu n-nefqa tal-proġett għal €13-il miljun. Dwar dan l-Awditur Ġenerali wieġeb li f’Diċembru 2019 l-NAO ngħata informazzjoni li n-nefqa kienet ta’ €11.3 miljuni. L-Awditur Ġenerali qal li mhux jagħmel sens kif in-nefqa telgħet għal €13-il miljun u sostna li l-NAO ma kienx informat li SportMalta kienet laħqet ftehim barra l-qorti ma’ kuntrattur.


Mistoqsija mid-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini dwar diskrepenzi bejn nefqa vvotati ta’ €10.6 miljuni u l-€11.3 miljuni minfuqa, l-NAO qal li jista’ jkun li n-nefqa vvutata kienet ta’ €10.6 miljuni iżda ma kienx hemm fondi biżżejjed għad-differenza. Minkejja din il-possibbiltà, l-NAO qal li ma jistax jikkonferma s-sitwazzjoni.


David Agius semma’ kif rapport tekniku tal-Perit Robert Musumeci jispeċifika li x-xogħol li kien għamel il-kuntrattur Bonnici Brothers kien xogħol ta’ kwalità fqira. L-Awditur Ġenerali qal li hu qed jifhem li fil-fatt fil-proġett intefqu €10.6 miljuni u mhux €11.3 miljuni. Jirriżulta li SportMalta ngħatat €1 miljun biex isir it-tieni fażi tal-proġett iżda mhux speċifikat jekk dan sarx. Id-Deputat Nazzjonalista David Agius qali hu konvint li ma saret l-ebda tieni fażi tal-proġett.


Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg staqsiet dwar l-offerti maħruġa fejn jirriżulta li ħarġu tliet offerti li SportMalta qabdu u aċċettawhom bla ma pprovaw jinnegozjawhom. Hi staqsiet ukoll dwar ir-rwol tal-Project Manager fejn jirriżulta li kien hemm nuqqasijiet kbar minħabba li dan suppost li kien jivverifika li x-xogħlijiet kienu qed isiru kif suppost.


Il-kumitat kien aġġornat għal bħal-lum ġimgħa meta se jixhed is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.