Internazzjonali

L-Ukrajna: Il-kumplott kontra l-ħajja ta’ Zelensky jirrifletti ‘żmien skomdu’ għall-Kremlin

Kelliema għall-Gvern Ukren qed jgħidu li l-aħħar kumplott fuq il-ħajja tal-President Volodymyr Zelensky jindika li r-Russja qed tħoss sew l-impatt negattiv tal-gwerra li ilha għaddejja s-snin fl-artijiet tal-Ukrajna.

Dan wara li s-servizzi tas-sigurtà tal-Ukrajna ħadu azzjoni immedjata biex iwaqqfu l-kumplott ta’ Moska għall-assassinar ta’ Zelensky, u uffiċjali għoljin oħra fi Kiev. Fl-istess ħin, is-sorsi viċin is-servizzi tal-SBU qalu li żewġ kurunelli Ukreni li suppost kienu nkarigati mill-protezzjoni tal-uffiċjali tal-Gvern spiċċaw arrestati u, fil-preżent, qed jgħinu fl-investigazzjoni tal-każ.

Jidher li l-kurunelli kienu msieħba f’network ta’ aġenti sigrieti li qed jaħdmu għall-FSB – is-servizzi tas-sigurtà tar-Russja. Ir-rapporti, intant, qalu wkoll li l-kurunelli kienu qed ifittxu għal xi ħadd minn fost il-gwardjani personali ta’ Zelensky li seta’ kien lest biex ‘jaħtfu u jneħħilu ħajtu’.

Fil-mira wkoll kien hemm Kyrylo Budanov, il-Kap tas-servizzi sigrieti mal-militar Ukren u Vasyl Malyuk, il-Kap tal-SBU. Kien ippjanat, fil-fatt, ‘li Budanov jinqatel qabel il-5 ta’ Mejju, dakinar li l-Ukreni ċelebraw l-Għid tal-Ortodossi’.

Sar magħruf, intant, li l-assassini potenzjali kienu qed jaħsbu biex iqabbdu spjun li kellu jitkixxef dwar il-lokalitajiet tal-ogħla membri tata-Tmexxija Ukrena u li, imbagħad, kellhom ikunu attakkati bil-missili u d-drones ‘tar-Russi’.

Mindu l-paratruppi tar-Russja, fil-bidu tal-gwerra, ippruvaw jinżlu fi Kiev u jeliminaw lill-President Zelensky, saru diversi attentati oħra mill-Kremlin biex jeħles minn Mexxej li jibqa’ simbolu ħaj tar-reżistenza determinata lill-qawwiet ta’ Vladimir Putin li tilfu l-mijiet tal-eluf tat-truppi f’dawn ix-xhur ta’ konflitt.