Lokali

Muscat jerġa’ jċappas isem Malta fil-media internazzjonali

Joseph Muscat, l-eks Prim Ministru ta’ Malta, qed jiffaċċja akkużi kriminali b’konnessjoni mal-kuntrati kontroversjali li permezz tagħhom ġew privatizzati tliet sptarijiet li kienu tal-Istat.

Dan ġie rrapurtat fil-ġurnal internazzjonali ‘Politico’ li rrapporta kif Muscat, li kien Prim Ministru bejn l-2013 u l-2020, flimkien mal-Eks Chief of Staff Keith Schembri kif ukoll l-Eks Ministru Konrad Mizzi huma fost 19-il persuna li qed jiffaċċjaw numru ta’ akkużi kriminali dwar il-bejgħ tal-isptarijiet lill-Vitals Global Healthcare.

Il-ġurnal ‘Poltico’ saħansitra jirrapporta wkoll l-attakki li Muscat għamel fil-konfront tal-ġudikatura, meta Muscat fuq il-media soċjali kiteb li din mhux biss vendikazzjoni politika imma wkoll abominazzjoni.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien irriżenja f’Jannar tal-2020 wara pressjoni kbira li saret fuqu wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, temm jgħid ir-rapport.