Elezzjonijiet 2024 Lokali

Muscat stess jikkonferma l-istorja ta’ NET NEWS: L-Eks Prim Ministru akkużat bi frodi ta’ €30 miljun

“Min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar.”

Hekk iddikjara Joseph Muscat ftit tal-ħin ilu meta reġa’ nfexx f’attakk ieħor kontra min ma jaqbilx miegħu, u kontra l-akkużi li se joħorġu mill-Qrati – akkużi li huma riżultat tal-Inkjesta Vitals.

Fuq Facebook, Muscat stess ikkonferma dak li lbieraħ ġie rappurtat minn Net News dwar il-frodi ta’ €30 miljun, li hija waħda mill-akkużi prinċipali fil-konfront tiegħu.

Muscat iddejjaq ukoll bl-akkuża li huwa parti minn organizzazzjoni kriminali; organizzazzjoni li hija parti mill-establishment ta’ Kastilja.

“Li kieku ma kinux daqshekk gravi, il-qari tal-akkużi fil-konfront tiegħi kienu jkunu tad-daħk. Mingħajr ma semgħuni, l-awtoritajiet iddeċidew li jakkużawni u jtebbgħuni b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus, li waqqaft organizzazzjoni kriminali u li saħansitra ħadt €30 miljun”, qal Muscat fuq Facebook.