Lokali Parlament

Pajjiżna għandu jinvesti aktar fil-qasam tal-Intelligenza Artifiċjali, il-ħiliet diġitali u l-innovazzjoni


Jerome Caruana Cilia, PN

Pajjiżna jeħtieġ jinvesti b’mod aktar deċiż u b’saħħtu fil-qasam diġitali, inkluż fil-ħiliet tal-Maltin u Għawdxin, biex b’hekk dawn jiksbu benefiċċju akbar mill-opportunitajiet ġodda li qed jinħolqu fis-suq.

Dan sostnih ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, l-Intrapriża u s-Servizzi Finanzjarji, Jerome Caruana Cilia, waqt diskors fil-parlament dwar emendi fl-Att dwar l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta.


Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia esprima apprezzament għall-ħidma ta’ din l-Awtorità, minkejja l-baġit limitat mogħti lilha mill-Gvern, li din is-sena tnaqqas aktar . Huwa spjega kif numru ta’ żviluppi leġislattivi fuq livell Ewropew fil-qasam tat-teknoloġija innovattiva jeħtieġu bidliet fil-qasam regolatorju f’pajjiżna u għalhekk riforma fil-qafas leġislattiv tal-MDIA kien kruċjali biex Malta tibqa’ fuq quddiem fuq dan is-settur.


Hu esprima apprezzament għall-aspett innovattiv li tfittex li ddaħħal din l-awtorità fil-ħidma tagħha, u semma’ bħala eżempju pożittiv il-ħolqien, minn naħa tal-MDIA, ta’ Sandbox tal-AI fejn hemmhekk ingħata ċ-ċans li wieħed jittestja skont standards stabbiliti u jingħata ċ-ċans li jirranġa fejn ikun miexi f’direzzjoni li tiżvijja minn dik mitluba mil-istandards uffiċjali.


Huwa appella għal investiment aktar b’saħħtu f’din l-awtorità li hija responsabbli għal numru ta’ funzjonijiet important anke fil-qafas ta’ sigurtà elettronika, aspetti fundamentali għall-ġurisdizzjoni Maltija.


Ix-Shadow Minister Nazzjonalista ikkwota stħarriġ li juri kif għadd ta’ kumpaniji Maltin qed joqgħodu lura milli jinvestu u jkabbru n-negozju għaliex mhumiex isibu ħaddiema b’ħiliet partikolari, b’mod speċjali fil-qasam diġitali u teknoloġiku. Huwa stqarr li l-fatt li 87% tal-SMEs Maltin jgħidu li mhux isibu ħaddiema b’ċertu ħiliet speċjalizzati jixhed falliment fil-politika edukattiva u appella għal azzjoni immedjata li tħares ‘il quddiem biex ma jintilfux aktar dawn l-opportunitajiet.


Bl-istess mod, huwa fakkar kif minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern li jrid jinvesti fl-intelliġenza artifiċjali, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li għandha ssir għal dawn l-aħħar numru ta’ snin, fil-verita, il-Gvern poġġa biss żewġ miljun ewro għal dan l-għan, ammont li d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia ddeskriva bħala redikolu.


Fl-intervent tiegħu, Caruana Cilia elenka wkoll numru ta’ proposti dwar kif jista’ jissaħħaħ is-settur, permezz ta’ rwol ikbar għal din l-Awtorità fosthom bl-introduzzjoni ta’ xi forma ta’ ċertifikazzjoni għal persuni li jiddikjaraw lilhom bħala esperti fil-qasam diġitali biex b’hekk tingħata serħan tal-moħħ għall-operaturi f’dan is-settur.