Lokali

Pressjoni fuq Muscat u sħabu: skiet totali dwar it-€30 miljun

Serqa ta’ miljuni. Skiet totali mil-Labour. Il-Prim Ministru jibqa’ jattakka l-ġudikatura. U Joseph Muscat jittimbra dak kollu li għaddej bħala “pastażata”.

Fl-aħħar sigħat, l-eks Prim Ministru reġa’ żvoga mal-Facebook fejn kiteb li min qed iċappas lilu innifsu ma’ din is-saga se jiġi ġġudikat bl-aħrax mill-poplu fl-immedjat, u mill-istorja għal dejjem.

Lest għat-taqbida kontra min irid jivvendika ruħu, stqarr Joseph Muscat.

Kien is-sit NetNews.com.mt illi żvela b’mod esklussiv illi l-eks Prim Ministru Joseph għandu ordni ta’ friżar fuq rasu li jlaħħaq it-€30 miljun. Dan filwaqt li eks Ministri għandhom ukoll ordni ta’ friżar ta’ assi li jlaħħqu l-miljuni ta’ ewro.

Akkużati oħra jinkludu diversi Segretarji Permanenti u anke l-Ministru Chris Fearne. Huma għandhom jitressqu akkużati bi frodi, korruzzjoni u ħasil ta’ flus – għalkemm lanqas dawn l-ismijiet ma ġew konfermati b’mod uffiċjali.

Kollox jindika li fil-bidu tal-ġimgħa ġew preżentati fil-Qorti numru ta’ akkużi kriminali kontra l-Eks Prim Ministru Josepoh Muscat u Eks Ministri inkonnessjoni mal-Inkjesta li kienet intalbet minn Repubblika; u fil-lista tal-akkużati jidher li hemm anke Konrad Mizzi u Edward Scicluna, kif ukoll l-Eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri.

L-akkużi kriminali li ġew ippreżentati huma ta’ gravità u serjetà kbira; akkużi li jġorru magħhom snin twal ta’ priġunerija.