Lokali

Roderick Bonnici jinħatar Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA

Il-Perit Roderick Bonnici nħatar bħala Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.

Dan wara li l-bord tal-BCA ltaqa’ għall-ewwel darba wara li ġie rikompost.

Fil-ġimgħat li għaddew din l-Awtorità rat diversi tibdiliet fi ħdana wara żewġ inċidenti oħrajn fil-qasam tal-kostruzzjoni, b’wieħed minnhom ikollu konsegwenzi fatali.

Il-Perit Bonnici, li kien il-kap tas-sezzjoni li tapprova l-applikazzjonijiet tal-permessi fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, iggradwa f’Baċellerat tal-Inġinerija u Arkitettura kif ukoll kwalifikat f’Masters fl-Immaniġġjar tal-Proġetti mill-Università ta’ Malta.

Huwa kien diġà ta kontribuzzjoni sostanzjali fl-Uffiċċju għar-Regolamenti tal-Bini fit-Taqsima tal-Infurzar, fi ħdan l-awtorità u fis-sezzjoni li kienet tkopri evitar ta’ ħsarat għal terzi. Preċedentement ħadem ukoll fil-qasam tal-infrastruttura ma’ aġenzija pubblika u anke fis-settur tal-kostruzzjoni fuq proġetti privati kif ukoll pubbliċi.