Lokali Qorti

Sitt eletturi oħra jgħidu li ma jabitawx f’binja fis-Siġġiewi

Wara li nhar il-Ġimgħa li għadd tliet eletturi nisa li qed jistennew li jmorru jabitaw f’binja fis-Siġġiewi, qalu fil-Qorti li huma għadhom ma bdewx jabitaw f’din il-lokalità u dan minħabba li sa issa għadha mhijiex abitabbli u li għadhom jgħixu f’lokalità oħra, sitt persuni oħra qal l-istess quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.

Ħafna minn dawn l-eletturi diġa’ xehdu fil-Qorti li huma ltaqgħu ma’ xi ħadd fil-binja msemmija għall-eks Ministru Laburista, l-mibki Silvio Parnis u li kienu ltaqgħu ma’ xi ħadd li ma jafuhx biex jimlew formola ħalli jkun jista’ jinbidel il-vot tagħhom u l-karta tal-identità tinbidel sabiex ikunu jistgħu jivvutaw fis-Siġġiewi.

Fil-kawża li nstemgħet it-Tlieta, l-Partit Laburista kompla bin-narattiva tiegħu li jkompli jimmina x-xogħol tal-Maġistrat Gabriella Vella li mingħajr ma ta l-ebda raġuni valida, qalilha li ma kellux pjaċir biha biex tisma’ l-każ. Madankollu hija ċaħdet it-talba u qalet li riedet tisma’ l-każ hi fil-konfront ta’ dawn is-sitt eletturi nisa u rġiel.

Dan ħareġ meta komplew jinstemgħu r-rikorsi li saru mill-Partit Nazzjonalista biex ir-Reġistru Elettorali jiġi rivedut u dan mhux biex l-eletturi ma jivvutawx iżda li jivvutaw fil-lokalità ta’ fejn joqgħodu. Quddiem il-Maġistrat Vella ħamsa mill-eletturi qalu li ma joqgħodux is-Siġġiewi u wieħed minnhom qal li joqgħod f’din il-lokalità imma mhux fil-binja msemmija, mogħtija bħala ‘Social Housing’.

Il-ħamsa li ma joqgħodux is-Siġġiewi għadhom joqgħodu Ħal Qormi, il-Mosta, Marsaskala u Marsalforn Għawdex, Il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li min ikollu l-jedd li jiġi reġistrat għall-vot għandu jiġi biss reġistrat fid-distrett u bl-indirizz li fih huwa soltu jgħammar. Dan huwa dak li iswed fuq l-abjad tgħid il-liġi fl-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, Kapitlu 354, paragrafu numru 22.

Iżda, b’mod mill-aktar surreali, fl-aħħar reġistru elettorali jidher li hemm 99 persuna rreġistrati fuq binja fis-Siġġiewi li sa issa mhux abitabbli bħalma jixhdu ritratti wkoll li ġew preżentati fil-Qorti. Kien għalhekk li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, f’isem il-Partit Nazzjonalista – flimkien ukoll mal-President tal-Kunsillieri Nazzjonalisti u kunsillieri Nazzjonalisti tas-Siġġiewi, fetħu rikors il-Qorti bil-għan li r-Reġistru Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali kif ukoll għall-Kunsilli Lokali u tal-Unjoni Ewropea jiġi rivedut minnufih.

Din il-ġimgħa għandhom jinstemgħu aktar eletturi jixhdu quddiem diversi Maġistrati oħra li ġew assenjati lilhom il-każijiet. L-Avukati Karol Aquilina u Joseph Grech qed jidhru għall-Partit Nazzjonalista fil-waqt li l-Avukati Pawlu Lia u Ramona Attard qed jidhru għall-Partit Laburista.