Lokali Mużika

Tħabbret il-mewt ta’ Paul Mifsud… wieħed mill-aktar persuni intiżi fl-istorja tal-mużika rock klassiku

Paul (bi flokk striped) jidher flimkien ma' Charlie Grima, eks drummer ta' Wizzard flimkien ma' xandara oħra, ritratt meħud f'Ġunju tas-sena l-oħra waqt il-programm Fuzzbox ippreżentat minn Eric Montfort fuq NET FM.
Noel D'Anastas

L-ammiraturi tal-mużika rock Maltija jinsabu maħsuda bl-aħbar tal-mewt ta’ Paul Mifsud li seħħet fl-età ta’ 76 sena. Mifsud, li kien enċiklopedija ambulanti u kritiku f’dik li tidħol storja u statistika tal-mużika rock klassika, jibqa’ magħruf għas-sehem kbir li ta sew bħala impjegat fil-ħwienet tad-diski, kif ukoll fil-qasam tax-xandir. Huwa għamel bosta snin impjegat fil-ħwienet tal-mużika Record Centre, Exotique u l-Music Club fil-Belt.

Paul kien wieħed mix-xandara fuq Net FM proprju fil-bidu tal-istazzjon, lura f’Settembru tal-1991, fosthom fil-programm tant segwit ‘Xejn Ħlief Rock’ ma’ Noel Mallia. Matul is-snin ikkollabora f’diversi programmi u kollegamenti ma’ xandara oħra.

Ix-xandar Eric Montfort ta tislima xierqa lil Paul Mifsud fejn ġab il-memorji tal-kollegamenti li kien ikollu fil-programmi tiegħu u ta’ oħrajn, fosthom Alfie Fabri. Montfort jikklassifika lil Paul Mifsud bħala l-awtorità fuq Bob Dylan u The Rolling Stones.