Lokali

Xhieda fil-Qorti jikkonfermaw il-frodi elettorali mill-Partit Laburista – PN

Ix-xhieda kollha li dehru llum iddikjaraw taħt ġurament li ma joqogħdux fil-binja tal-housing fis-Siġġiewi.

Waqt smigħ li sar fil-Qorti dalgħodu, l-eletturi kollha li dehru l-Qorti xehdu taħt ġurament li ma joqogħdux fil-binja tal-Gvern fis-Siġġiewi, iżda f’postijiet oħrajn fosthom f’Ħal Qormi, il-Mosta, Marsaskala u Marsalforn Għawdex.

Dan seħħ fil-proċeduri li beda l-Partit Nazzjonalista dwar numru ta’ votanti li ġew irreġistrati b’mod abbużiv fuq Binja tal-Gvern fis-Siġġiewi bl-għan li l-Partit Laburista jipprova jirbaħ il-maġġoranza fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Uħud mill-eletturi saħansitra kkonfermaw taħt ġurament, li għadhom ma ffirmaw l-ebda ftehim dwar l-appartament u li għadhom ma ngħatawx iċ-ċwievet għal dawn l-appartamenti.

Dan kollu hu prova ċara ta’ kif il-Partit Laburista qed iwettaq frodi elettorali billi jinqeda b’nies fil-bżonn biex jipprova jirbaħ il-maġġoranza tal-voti fis-Siġġiewi.

Il-Partit Laburista għandu jieqaf jipprova jieħu vantaġġ miċ-ċirkostanzi ta’ nies fil-bżonn.