Lokali

ANALIŻI: Kif Robert Abela pprova jħawwad lin-nies dwar it-€30 miljun

Wara li dan is-sit żvela kif l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kellu ordni ta’ ffriżar li tlaħħaq it-€30 miljun u li se jkun mixli bi frodi, ħasil tal-flus u koruzzjoni, naturalment il-ġurnalisti staqsew lil Robert Abela dwar dan.

Però, minflok wieġeb il-mistoqsijiet, il-Prim Ministru Robert Abela għamel referenza għall-€400 miljun li nsterqu minn Vitals u Steward u qal li issa s-somma li semma l-Partit Nazzjonalista niżlet għal €30 miljun. Dan meta Robert Abela jaf sew li dawn il-figuri m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ xulxin.

Din ir-risposta hija waħda li tfixkel lill-pubbliku u din hija tattika li Abela qed juża biex iwassal informazzjoni skorreta li bla dubju ta’ xejn qed juża biex jipprova jfixkel il-ġudizzju tal-poplu.

Il-Prim Ministru Robert Abela bi kliemu wera wkoll li hu għandu aċċess għal partijiet tal-Inkjesta jekk mhux l-Inkjesta kollha. Eżempju ċar ta’ dan huwa meta ta x’jifhem li hemm Uffiċjali tal-Gvern li ssemmew fl-Inkjesta Vitals. Għalhekk b’din l-informazzjoni f’idejh seta’ mingħajr problema ta’ xejn jiċħad li Joseph Muscat kellu ordni ta’ ffriżar fuq €30 miljun, imma minflok spiċċa jargumenta li ordni ta’ ffriżar ta’ €30 miljun ma tfissirx li dan huwa l-ammont kollu li ttieħed mid-deal frawdolenti.

Għalhekk, bi kliemu stess, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma dak li kien żvela Net News, minkejja li mill-ġdid reġa’ pprova jfixkel il-pubbliku meta b’mod makakk qal li l-ordni ta’ ffriżar ma tfissirx li Muscat ħa t-€30 miljun kollha. Wieħed jistaqsi, għalhekk, x’hinu l-ammont li Abela ma jqisx bħala aċċettabbli.

Il-pubbliku jispiċċa mfixkel dwar x’hinu l-ammont li nsteraq mill-but tagħhom u jinsew dwar x’hinuma l-akkużi li qed jiffaċċjaw il-politikanti.