Lokali Parlament

Id-deputati Laburisti għandhom iqumu u jitkellmu b’kuraġġ quddiem din is-sitwazzjoni gravi

Beppe Fenech Adami, PN


Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami appella lid-deputati Laburisti biex f’dan il-mument iqumu u jitkellmu b’kuraġġ quddiem is-sitwazzjoni gravi li jinsab għaddej minnha l-pajjiż.


Beppe Fenech Adami qal li s-sitwazzjoni hi gravi fejn il-Prim Ministru jibqa’ jgħid li għandu fiduċja fid-Deputat Prim Ministru wara li ħarġu l-akkużi kriminali proprju kontra d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
F’pajjiż li jemmen fid-demokrazija, ma jistax ikun li d-Deputat Prim Ministru jkun akkużat b’reati kriminali serji iżda għall-Prim Ministru qisu xejn mhu xejn xejn. Dan qed jagħmel ħsara enormi lir-reputazzjoni tal-pajjiż.


Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-Qorti se jitressqu 28 akkużat b’reati kriminali li jġibu pieni kbar ta’ ħabs fosthom l-Eks Prim Ministru Muscat li se jniżżel lill-gvern miegħu.


Il-gvern għadu ostaġġ ta’ Muscat u b’ordni ta’ ffriżar ta’ €30 miljun, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li l-Laburisti qed jistaqsu kif min iwettaq reati żgħar ikun sospiż, iżda li hawn Eks Prim Ministru Muscat b’ordni ta’ ffriżar ta’ €30 miljun, għall-Prim Ministru kollox hu normali.


Hu semma’ lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali l-Eks Ministru Laburista Edward Scicluna u staqsa kif dan jista’ jipparteċipa mal-gvernaturi tal-banek ċentrali Ewropej meta hu akkużat kriminalment quddiem il-Qorti.
Id-deputat Nazzjonalista fakkar kemm għamlu stejjer il-PL minħabba ħajt tas-sejjieħ f’ħajt, fejn minħabba dawn l-akkużi infondati l-Eks Ministru Giovanna Debono irriżenjat.


L-istess għamel l-Eks Ministru Chris Said fuq kawża privata bejn żewġ partijiet privati. Hu fakkar li lill-Eks Ministru Carm Mifsud Bonnici l-PL riduh jirriżenja għax insteraq sellum mid-Depot. Dan filwaqt li lill-Eks Ministru Laburista Godfrey Farrugia keċċewh minħabba tinda fl-isptar.


L-istess nies keċċew lil Rosianne Cutajar waqt lil Anġlu Farrugia neħħewh minn Deputat Mexxej Laburista għax ikkritika maġistrat fuq sentenza.


Id-deputat Nazzjonalista appella lid-deputati Laburisti biex ikunu onesti mal-Laburisti stess li jinsabu mgerfxin meta jaraw lid-deputati tagħhom jiddefendu l-indifensibbli.


L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat li tela’ bl-għajta ta’ ‘Malta tagħna lkoll’ illum għandu ordni ta’ ffriżar ta’ €30 miljun fuqu. Il-gvern qed juża tattika diżgustanti u inaċċettabbli fil-politika fejn l-establishment immexxi minn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi għadu jiddetta lill-PL.


Id-deputati Laburisti m’għandhomx il-kuraġġ li jaqtgħu l-kuntatti ma’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi; dawn it-tlieta rvinaw pajjiż.


Id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela u l-attakki tiegħu fuq il-ġudikatura huma dikjarazzjonijiet faxxisti u nażisti fejn il-Prim Ministru qed jgħawwi lin-nies kontra l-ġudikatura u kontra maġistrat partikolari.


Il-Prim Ministru biċċer lill-maġistrat li għamel l-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia meta l-Prim Ministru kien jaf li qed jigdeb u jabbuża. Il-Prim Ministru issa qed jattakka lil maġistrat mara oħra Gabriella Vella, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li llum hemm numru ta’ deputati Laburisti li qed iħossuhom jistħu quddiem din is-sitwazzjoni.


Beppe Fenech Adami qara parti mit-teżi ta’ Robert Abela li fiha qal li mħallef għandu jkun liberu mill-politika u għandu jkun liberu mill-pressjoni tal-gvern biex il-ġustizzja mhux biss issir, iżda tidher li qed issir. Hu fakkar li meta kien President ta’ Malta, George Abela kien appella biex ħadd ma jattakka lill-ġudikatura biex din tkun indipendenti.


Il-President Emeritu George Abela kien jgħid li hu oxxen li jkunu pubblikati ritratti tal-maġistrati fil-media; dan hu eżatt dak li qed jagħmel il-PL bħalissa billi jesponi lill-Maġistrat Gabriella Vella li għamlet l-inkjesta.
Id-deputati Laburisti jafu li mhux sewwa, iżda għandhom jagħmlu pass ieħor, sostna d-deputat Nazzjonalista, li fakkar kif Daphne Caruana Galizia nqatlet propjru minħabba l-attakki sistematiċi li kienu jsiru fuqha mill-PL.


L-attakki fuq il-maġistrat huma ta’ ħsara kbira u qed jibgħat messaġġ ħażin liż-żgħażagħ biex jitilqu mill-pajjiż. Hu att kriminali li n-nies jitgħawwew kontra l-ġudikatura, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella lid-deputati Laburisti biex jitkellmu u jqumu biex ma jinżlux magħhom.


Beppe Fenech Adami tkellem ukoll dwar il-Kunsill tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta u qal li l-pajjiż għandu d-dover li jħares lill-Maltin li jgħixu barra minn Malta. Hu staqsa jekk il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta hux qed jilħaq l-iskopijiet tiegħu.


Dan proprju minħabba li l-membri ta’ dan il-Kunsill jgħixu f’pajjiżi barranin u għalhekk impossibbli li dawn jiltaqgħu. Dan il-Kunsill ma jiffunzjonax u mhux qed jilħaq l-għajnijiet tiegħu.


Bil-liġi, dan il-kunsill irid jiltaqa’ darba fis-sena meta suppost dan il-kunsill għandu 15-il skop tiegħu fosthom dwar ir-rabtiet ma’ Malta fl-ekonomija u li jiżgura l-ħarsien tal-komunitajiet Maltin f’diversi pajjiżi. Minn 15-il persuna, dan il-kunsill issa se jiżdied għal 22 persuna; issa dan il-kunsill iktar se jkollu diffikultajiet biex iwettaq il-ħidma tiegħu b’mod effettiv.


Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm ħafna Maltin li jgħixu barra minn Maltin u li jħossuhom maqtugħin minn pajjiżhom u m’għandhomx għand min jirrikorru.


Meta kien qed jitkellm fil-Parlament, Beppe Fenech Adami qal li llum il-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ qatgħet qalbha mill-pajjiż u qal li 72% taż-żgħażagħ jixtiequ jgħixu barra minn Malta. Din għandha tkun twissija lill-gvern li jidher li mhux jirrealizza li l-futur se jkun wieħed li fih Malta se tkun tilfet l-aqwa żgħażagħ tagħha. Dan għaliex iż-żgħażagħ jaraw x’qed iseħħ fl-UE fosthom f’pajjiżi li ssieħbu ma’ Malta jew anki wara Malta. Dawn il-pajjiżi qed joffru impjiegi aħjar minn Malta.


Id-deputat Nazzjonalista qal li waħda mill-ikbar problemi hi li ż-żgħażagħ jixtru l-ewwel dar tagħhom u għalhekk ikollhom jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Jirriżulta li ż-żgħażagħ Maltin ta’ taħt it-30 sena huma l-inqas kuntenti fl-UE. Malta hi wkoll kategorizzata bħala pajjiż b’demokrazija difettuża, sostna Beppe Fenech Adami.