Lokali Saħħa

Fearne jgħid: “Ma nistax nikkummenta”

Żvolta ġdida fis-saga tal-Vitals hekk kif issa Chris Fearne qed jgħid li għadu ma rċieva l-ebda notifika dwar l-akkużi serji marbuta mas-serqa tal-Vitals. Dan hekk kif issa l-Inkjesta tal-isptarijiet ilha ġimgħat li ġiet konkluża.

Rapporti fil-media qed jindikaw li anke Chris Fearne u Edward Scicluna huma implikati f’din l-Inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali għadu ma lissinx kelma, filwaqt li Fearne mar jitkellem fuq Facebook. Il-Ministeru tiegħu ma joħroġ ebda stqarrija uffiċjali. Anke l-Prim Ministru għadu totalment fil-muta wara r-rapporti li ħarġu lbieraħ bil-lejl.

Dan huwa dak li kiteb id-Deputat Prim Ministru fuq il-media soċjali

Waqt li konxju ta’ dak li qed jingħad fil-konfront tiegħi fil-media, inkluż dak li qal f’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Oppożizzjoni, sa dan il-ħin għadni ma rċevejt l-ebda notifika jew taħrika b’mod uffiċjali. Wisq anqas għadni ma rajt il-proċess-verbal jew x’hemm fl-inkjesta maġisterjali dwari. Għaldaqstant, f’dan il-mument ma nistax nikkummenta aktar.

Ngħid biss li jien dejjem, dejjem qdejt dmiri bl-akbar korrettezza u integrità, u żgur li qatt ma xrift lejn ksur tal-liġi. Dan jgħidu wkoll l-Awditur Ġenerali fi tliet rapporti dettaljati li għamel dwar dan il-każ, tant li osserva b’mod qawwi li “it-twarrib tal-Ministru tas-Saħħa minn kull involviment sinifikanti fuq l-andament ta’ din il-konċessjoni relatata direttament mas-saħħa pubblika”.